BARROSO

  • Ott 23, 2014 09:58
  • Miktub minn

    Id-diskors tal-aħħar li Manuel Barroso ta fil-Parlament Ewropew kien difensiv. L-eks-President tal-Kummissjoni Ewropea jaf li l-opinjoni ġenerali dwar il-ħidma tal-Kummissjoni li mexxa, speċjalment it-tieni waħda, xejn ma hi pozittiva. U allura stinka bil-kbir biex jippreżenta stampa “differenti” tal-kisbiet li wettaq.

    Saħaq fuq iż-żminijiet diffiċli li l-Ewropa għaddiet minnhom fl-aħħar snin. Fakkar f’kif ħafna kienu qed jipprevedu kollass ta’ kollox. Skont hu mhux talli l-kollass ma seħħx, talli l-Unjoni Ewropea, speċjalment iż-żona ewro, tinsab f’qagħda ħafna aktar sħiħa minn blokki ekonomiċi oħra.

    L-argumenti ta’ Barroso ma sibthomx daqstant konvinċenti. Fil-grupp soċjalista saret rimarka qawwija ħafna. Matul id-diskors tiegħu, hu ma semma l-anqas darba waħda l-problema tal-qgħad fl-Ewropa, qisha ma tezistix. Mentri din tant tħalliet tikber li qed issir theddida għall-koeżjoni soċjali f’ħafna pajjiżi Ewropej. Bla dubju kienet fattur ewlieni fir-riżultati diżappuntanti tal-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju li għadda.

    KONTROLLI FUQ IL-BAĠITS

    Se tkun interessanti li naraw kif il-baġits tal-pajjiżi Ewropej se jiġu trattati fil-ġimgħat li ġejjin. Żewġ pajjizi kbar, l-Italja u Franza, qed iħejju baġits li mhumiex kompatibbli mar-regoli tal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà; imma hemm oħrajn, ta’ pajjiżi iċken li dwarhom qed jitqajmu dubji.

    Il-pressjonijiet fuq il-Kummissjoni l-ġdida se jkunu kbar. Min-naħa, jekk jiħduha bil-fjakk ma’ baġits li mhumiex skont ir-regoli, se jqajmu sens ta’ sfiduċja fil-miżuri tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro biex bihom jiġu regolati l-kriżijiet finanzjarji.

    Min-naħa l-oħra, jekk jagħfsu ħalli r-regoli jiġu mwettqa, hemm ċans li tikber l-impressjoni li l-Ewropa hi maqsuma u mhix kapaċi tiftiehem bla problemi fuq kwistjonijiet fondamentali.

    NOSTALĠIJA

    Qatt ma qbilt mal-politika (liberali), tiegħu imma dejjem qiest lil Mario Vargas Llosa bħala wieħed mill-aħjar kittieba ta’ żminijietna. Oħrajn jistgħu jkunu effettivi jew teatrali jew moda aktar minnu... (ara liema trid tagħżel minn dawn il-modi kif tkejjel il-valur tal-kitba),. Imma ma nafx min minnhom jgħaddi lil Vargas Llosa fil-ħeġġa tiegħu għal-letteratura, ħeġġa li mhijiex biss ta’ apprezzament jew kritika imma wkoll kreattiva.

    Għandu artikli ta’ kull ġimgħa fejn ma jaħbix – anzi, bil-maqlub, jipproklama – il-passjoni tiegħu għall-kitba. L-artiklu tal-ġimgħa li għaddiet inqisu bħala wieħed mill-aktar interessanti tiegħu. Fih, jiftakar fiż-żogħżija tiegħu u ż-żmien li qatta Pariġi bħala student bla flus li qed jpprova jibni karriera hemm.

    Fi ftit sentenzi Vargas Llosa jirnexxilu joħloq mill-ġdid il-Pariġi tas-snin ħamsin u l-bidu tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor. Jiddeskrivi l-ħajja tiegħu bħala student tal-letteratura, isemmi l-kittieba li ltaqa’ magħhom, min impressjonah l-aktar. Bħala eżerċizzju fin-nostalġija, l-artiklu tassew affaxxinanti.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook