LA DIRETTI, LANQAS INDIRETTI'

  • Ott 20, 2014 13:12
  • Miktub minn

    Il-Kamra tal-Kummerċ hi xettika dwar il-pjan tal-gvern biex fil-baġit li jmiss jisħaq fuq li jżid il-piż tat-taxxi indiretti – jiġifieri fuq il-konsum – minflok fuq id-diretti – jiġifieri fuq id-dħul taċ-ċittadini.

    Meta ftit tas-snin ilu, l-proposta kienet li jitnaqqas il-piż tat-taxxi fuq id-dħul dirett, il-Kamra tal-Kummerċ kienet favur.

    Il-flus iridu jiġu minn x’imkien. Jekk taqbel li l-gvern inaqqas id-dħul tiegħu mit-taxxi diretti, se jkollok taqbel ukoll li jżidhom mit-taxxi indiretti. Bħal oħrajn, jien fhimt li l-Kamra hekk kienet tixtieq.

    Imma le, illum jekk qed nifhem tajjeb, il-Kamra ma tixtieqx li dan jiġri, talanqas sakemm jiġi aċċertat li t-taxxi inidretti qed jinġabru kollha kif suppost. Dil-ħaġa nistħajjel kienet tgħodd ukoll meta qamet il-proposta li jitnaqqsu t-taxxi diretti.

    Issa, hu magħruf sew li t-taxxi indiretti, u mhux biss il-VAT, huma soġġetti fil-pajjiżi kollha għal evażjoni sistematika.

    Jidher li mhumiex biss in-nies tal-politika li jippreferu għażliet li jkunu fl-istess waqt, kemm tondi u kemm kwadri.

    RIŻENJA

    Ir-riżenja tal-Arċisqof Cremona tmexxiet b’sempliċità u dinjità. Eżattament x’kien għaddej wara l-kwinti ma nafx, imma xi stejjer li smajt ifakkruk fl-intriċċi li kienu jiġru fil-palazzi tal-prinċpijiet Taljani tar-Rinaxximent.

    Bħala persuna, l-Arċisqof Cremona hu dħuli, sensittiv, intelliġenti u ċar fi ħsibijietu.

    Iż-żmien tiegħu fil-Kurja ġie torpedinat malli ddaħħal il-kunċett ta’ referendum fil-kwistjoni tad-divorzju – aktar u aktar, bil-mod kif iddaħħal. Jekk il-membri tal-Parlament jivvotaw favur id-divorzju, kien intqal, il-biċċa titpoġġa quddiem il-poplu f’referendum. Kien prevedibbli li din l-istrateġija kienet suwiċidali għall-Knisja.

    Għadu mhux ċar jekk l-idea ġietx mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, jew kinitx (kif kien hemm min qalli), imbuttata minn klikka ta’ kjeriċi fil-Kurja.

    KUMMISSJONI ĠDIDA

    Niddubita kemm il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida li għandha tiġi konfermata din il-ġimgħa se jirnexxielha tibdel wisq il-qagħda ekonomika u soċjali tal-Ewropa. Biex l-istaġnar li qed jikkonferma ruħu jingħeleb, hemm bżonn ta’ bidla strateġika fil-binja Ewropea.

    Problema fondamentali hi li l-Unjoni Ewropea ma addattatx u mhijiex taddatta tajjeb għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. It-tnaqqis fir-rati ta’ tkabbir ekonomiku ma seħħx mill-2008 lil hawn. Beda qabel.

    Hemm wisq interessi vestiti marbuta mal-affarijiet kif inhuma llum. Kwalunkwe sforz għal riforma radikali se jirrokka kontra dawn l-interessi. Fost tal-aħħar, insibu lill-istess President tal-Kummissjoni li għal snin ippresieda l-ewrogrupp, il-kumitat li jirregola z-zona ewro.

    Wieħed żgur ma jistenniex li Jean Claude Juncker se jħares b’għajn kritika lejn dak li sar sa issa. Anzi bil-maqlub, jaf jagħmel difiza meqjusa u qawwija tal-istatus quo.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Ott 20, 2014

    L-aħjar taxxi huma dawk diretti relatati mad-dhul tal-persuna mhux taxxi indiretti bhal ma hija l-VAT li hija immorali u ingusta ghax ma taghtix kaz tad-dhul ta' da

    Irrispondi