300 BILJU

  • Ott 16, 2014 10:08
  • Miktub minn

    Wegħda ċentrali li għamel Jean Claude Juncker fil-kampanja tiegħu biex ikollu l-appoġġ tad-deputati Ewropej għall-ħatra tiegħu ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea -- talanqas tas-soċjalisti fosthom -- kienet dik li se jirranġa biex jinħoloq fond ġdid ta' investiment li jiswa 300 biljun ewro. Dawn jintefqu matul tliet snin fuq proġetti li joħolqu x-xogħol u jistimolaw l-ekonomija. B'hekk l-issikkar taċ-ċintorin li ilu jifni lill-pajjiżi Ewropej jittaffa.

    Issa li Junker riesaq biex mal-Kummissjoni tiegħu jiġi konfermat fil-ħatra, il-mistoqsijiet xorta baqgħu jqumu. Kemm fil-verità se titwettaq il-wegħda? Kemm hu minnu li se jkun hemm fondi ġodda? Kemm minnhom se jkunu fondi li l-gvernijiet se joħorġu?

    U titqajjem ukoll il-mistoqsija: kif tista' titwettaq il-wegħda jekk ħafna mill-gvernijiet involuti huma maqbuda f'regoli taż-żona ewro u tal-Unjoni Ewropea li jrażżnu d-defiċit li jistgħu jtellgħu fil-finanzi tagħhom, u allura torbtilhom idejhom f'kemm jistgħu jonfqu?

    Kollha mistoqsijiet dawn u oħrajn bħalhom, li dwarhom għadna bla risposta.

    ADATTAMENT

    Jidher li l-Knisja Kattolika bis-saħħa tal-Papa Franġisku, għaddejja minn żmien ta' adattament interessanti. Għal ħafna żmien, rabtet il-preżentazzjoni tal-valuri u l-identità tagħha ma' sostenn ta' ċerta imġiba sesswali u familjari bejn il-bnedmin. Barra minn raġunijiet ta' twemmin sinċier, raġuni oħra għal dan kienet toħroġ minn miri ta' kontroll soċjali fuq il-"fidili".

    Biss bil-bidla fiż-żminijiet, għexieren ta' miljuni ta' nies draw iwarrbu l-istruzzjonijiet tal-Knisja fl-oqsma imsemmija. Sadattant, l-istess Knisja dehret li qed tinjora oqsma ta' sfida morali, bħal dwar il-faqar, l-inġustizzji u l-esplojtazzjoni fost il-bnedmin, is-saltna tal-flus li tikkontrolla kull poter.

    Meta organizzazzjoni tiġi biex taddatta għaż-żminijiet, u ssib li se jkollha ċċaqlaq il-pedamenti li kienet tqis bħala ewlenin fil-binja tagħha, jinqalgħu problemi enormi ta' kif il-bidla tista' titwettaq bla ma jisfronda kollox. Hekk kien ġara fl-Unjoni Sovjetika fi żmien Gorbaċov.

    Mhux ta' b'xejn li diversi Papiet baqgħu jippreferu jipposponu li jaffaċċjaw l-isfida. Papa Franġisku mhux hekk.

    KONTROLLI FUQ IL-FUTBOL

    Nhar it-Tnejn minn Brussell, ipprovajt nara l-logħba futbol Malta-Italja minn fuq RAI UNO li jingħata mis-satellità ta' appartament. Għall-ħin tal-logħba, ir-RAI UNO ġie mblukkat.

    Ipprovajt nidħol fil-live stream ta' TVM li wkoll kien qed jagħti l-logħba. Anki dan kien magħluq.

    Issa kemm fuq ir-RAI u kemm fuq TVM it-trasmissjonijiet kienu ħierġa b'xejn għat-telespettaturi. Ta' min ikun jaf sew kif u għaliex jiġu mblukkati.

    Nimmaġina li dwar hekk, hemm xi regola tal-Kampjonat Ewropew maħsuba biex jimmassimizzaw id-dħul finanzjarju li jkunu qed jagħmlu mill-kompetizzjoni. Xejn ma jidhirli arranġament xieraq.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook