Tibdil

  • Ott 15, 2014 12:42
  • Miktub minn

    Il-bidla hi ħaġa li dejjem kienet, u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar ser tkun mgħaġġla. Dan għaliex il-ħajja tinbidel u qed tinbidel b’rata aktar mgħaġġla. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar hemm mezzi biex il-bidla tkun mgħaġġla. Il-problema hi li mhux dejjem nittendu li ġrat il-bidla u għalhekk is-sistemi tagħna bir-regolamenti tagħhom ma jinbidlux.

    Settur li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar ser jinbidel hu s-settur tan-negozju. Illum nixtieq naqbad ma’ ftit affarijiet li qed ikollhom impatt negattiv mhux fuq il-konsumaturi, iżda fuq in-nies li jgħixu madwar il-ħanut. Fattur li ssemma fid-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-ħinijiet tal-ħwienet kien l-inkonvenjenza li ħwienet joħolqu għar-residenti tal-madwar.

    Idealment il-ħwienet ikunu fuq naħa tal-lokal u n-nies jgħixu n-naħa oħra, iżda r-realtà ma tippermettix hekk għaliex, speċjalment il-ħwienet iż-żgħar, għandhom tendenza li jinbtu mar-residenzi. Biex ngħidu kollox, hemm vantaġġi għas-sistema tagħna, speċjalment għall-anzjani jew dawk li ma jsuqux. Is-soluzzjoni għall-inkonvenjenza li negozju jista’ joħloq lir-residenti tal-madwar hi li nsibu bilanċ biex, filwaqt li n-negozju jista’ jibqa’ jaħdem, l-inkonvenjenza tkun baxxa. Illum ser insemmi żewġ inkonvenjenzi li jistgħu jiġu solvuti.

    Trakkijiet li jbigħu l-ħaxix

    Fl-antik il-ħwienet tal-ħaxix kienu komuni ħafna. Iżda kif xi ħadd ġietu l-idea li jbigħ il-haxix direttament mit-trakk, kien hemm ġirja biex kulħadd jagħmel l-istess. Ir-reazzjoni kienet waħda immedjata biex dawn ma nħalluhomx għaliex ser joqtlu lill-ħwienet li jbigħu l-ħaxix. Il-gvern, kif ġara fuq il-ħinijiet tal-ħwienet, ipprova jissodisfa liż-żewġ naħat u għalkemm ħalla l-bejgħ ikompli minn fuq it-trakkijiet, lil dawn ma ħallihomx illi jibqgħu fl-istess post il-ħin kollu.

    Bħalma semmejt kemm-il darba, l-osservazzjoni tal-liġi mhix xi don tagħna l-Maltin. Lanqas ma hu xi don tal-awtoritajiet Maltin li jaraw li dawn il-liġijiet jiġu infurzati. Għalhekk, bħalma ġara f’ħafna affarijiet oħra, dawn tat-trakkijiet tal-ħaxix sabu post f’lokal li marru tajjeb u minn filgħodu sa filgħaxija jsorġu hemm. Mhux talli hekk, talli hemm minnhom li biex jikkapparaw il-post, meta ma jarmawx jaraw kif iħallu karozza fil-post biex meta jerġgħu jmorru jbigħu jsibu l-post mill-ewwel. Hemm minnhom li minkejja li jkollhom il-ħanut, xorta jkollhom trakk bil-ħaxix fil-parkeġġ ta’ quddiem il-ħanut. Biċċiet minnhom li jdumu sa tard fil-ġurnata jġibu generator żgħir biex ikunu jistgħu jixegħlu xi bozza.

    Għandna nħallu l-affarijiet kif inhuma? Nemmen li rridu naċċettaw li ser ikunu ħafna li jbigħu l-ħaxix minn fuq it-trakk u dan ser jagħmluh mill-istess post. Waħda mill-affarijiet li jistgħu jsiru hi li l-Kunsill Lokali jalloka numru ta’ postijiet fejn jistgħu jipparkjaw. Ideali jkun post fejn hemm xi fetħa bħalma għandek f’ċerti postijiet li jistgħu jintużaw bħala suq żgħir. Ħafna mill-postijiet sabu dan u jagħmlu użu tajjeb minnu, speċjalment minħabba l-indafa. Fejn ma hemmx, ma nara xejn ħażin li jkun hemm numru ta’ postijiet fejn wieħed jista’ jipparkja dawn il-vetturi.

    Sintendi dan il-parkeġġ ikollu prezz marbut miegħu. Il-kirja ta’ dawn il-postijiet tal-parkeġġ għandhom ikollhom prezz bażiku li la jkun għoli ħafna, iżda lanqas baxx. Irid ikun raġonevoli. Jekk ikun hemm aktar minn wieħed li japplika għal dan il-post, min jagħti l-aħjar offerta jieħdu. Sintendi din il-kera tiġġedded kull sena biex la tkun qasira u lanqas tagħti monopolju lil xi ħadd. Il-kunsill, min-naħa l-oħra, għandu jipprovdi servizz bi ħlas tal-elettriku jekk ikun meħtieġ. Hemm min jgħidlek li dan ma jkunx sew għaliex jonqsu l-postijiet tal-parkeġġ li diġà huma xotti. Biss irridu nifhmu wkoll li sew taħt sistema jew taħt oħra, dawn il-postijiet jittieħdu xorta minnhom.

    Din is-sistema tista’ tintuża f’ħafna mill-bajjiet matul is-sajf, fejn numru ta’ postijiet jingħataw lil min irid jarma matul il-bajja. Jekk il-kunsill ikun għaqli, jara li dawn il-postijiet ikunu madwar il-bajja kollha. Kull bajja, bħal kull lokal, għandha ċ-ċentru tagħha u hemm ser issib il-business. Għalhekk jekk it-tqassim ikun tajjeb il-business jinfirex mal-lokal kollu u l-lokal kollu jieħu ħajja ġdida.

    Standards fil-vetturi

    Waħda mill-affarijiet li jolqtuni hi li ħafna mill-vetturi li jintużaw mill-business huma antiki u ruħ ommhom fi snienhom. Żewġ problemi li jġibu huma l-istorbju u t-tniġġis tal-arja. Nibdew minn tal-aħħar. Kull min isuq jaf x’qed ngħid għaliex kulħadd jipprova jaħrab milli jkun wara xi karozza bħal dawn. Mhux talli ma jimxux, iżda l-ammont ta’ dħaħen li jħallu, biċċiet minnhom, ikun tremend speċjalment meta jkunu mgħobbija. Dan tiltaqa’ miegħu f’ċerti ħinijiet speċjalment bejn is-sitta u nofs u s-sebgħa ta’ filghodu. Biss anki residenti li jgħixu madwar il-ħwienet isofru għaliex hemm tendenza li ħafna jħallu l-magna ta’ dawn il-vetturi għaddejja meta jkunu qed ifornu lil tal-ħanut. Dan mhux biss iżid l-istorbju iżda wkoll it-tniggis tal-ambjent tal-madwar.

    Veru li llum għandek il-VRT, iżda xorta għad hemm numru sew ta’ vetturi li jintelqu u jiġu rranġati biss meta jkun wasal il-VRT. Illum is-sistema biex nikkontrollaw dan huma tnejn – il-VRT u liċenzja aktar għolja għall-karozzi antiki. Nemmen li s-sistema għandha tkun li ninkoraġġixxu lil dawn biex jibdlu l-vetturi tagħhom. F’dan il-każ is-sistema tkun li jingħata tax rebate lil dawn in-negozji li jibdlu dawn il-vetturi.

    It-tieni problema li hemm hi l-ħsejjes li jagħmlu. Għal ħafna nies, minħabba li ngħixu f’soċjetà storbjuża ħafna, lanqas biss jagħtu kas. Iżda min jgħix f’xi post li hu għall-kwiet aktar minn postijiet oħra, mill-ewwel jittendi. Biex inkunu ġusti, żgur li l-aktar vetturi li jagħmlu ħsejjes huma l-karozzi tal-linja li ħallew warajhom l-Arriva. Tista’ tkun bit-twieqi magħluqin għaliex xorta mill-ħsejjes li jagħmlu tkun taf li għaddiet karozza tal-linja. Għalhekk nemmen li l-kumpanija li ser tieħu s-sistema tat-trasport pubbliku għandha tkun obbligata li fuq numru ta’ snin, tibdel il-flotta ta’ karozzi li hemm illum.

    Biss mhux il-karozzi tal-linja biss jagħmlu l-istorbju. Għandek ħafna mill-vetturi li jintużaw biex iqassmu l-provvisti lil tal-ħwienet huma misjura sew. L-aktar li jbatu r-residenti minn dan l-istorbju hu fis-sajf meta xi trakk minn dawn li jkun qed iqassam, barra l-ħsejjes tal-magna, ikollu s-sistema tat-tkessiħ tat-trakk li tagħmel ħafna storbju għaliex tkun antika u mhux impoġġija sew kif suppost biex tnaqqas l-istorbju tal-kompressur.

    Dwar l-istorbju hemm bżonn li nġibu lis-soċjetà tagħna aktar sensittiva għal dan it-tniġġis. Barra kampanja edukattiva qawwija, għandna wkoll bżonn ta’ liġijiet li jdaħħlu standards li jiżviluppaw fuq medda ta’ żmien li jiggarantixxu aktar ħajja effiċjenti, iżda aktar kwieta.

    Nemmen li dan il-bilanċ jista’ u għandu jintlaħaq għaliex sew il-business u sew ir-residenti ser ikollhom jibqgħu jgħixu flimkien għaliex it-tnejn jiddependu minn xulxin.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook