FRANZA MINN TAĦT

  • Ott 06, 2014 10:14
  • Miktub minn

    Il-qagħda ta’ Franza qed issir inkwetanti. M’hemm l-ebda rankatura ekonomika, l-impjiegi ġodda baqgħu staġnati, id-diflazzjoni persistenti u d-defiċit fil-baġit tal-gvern velenuż. Politikament is-soċjalisti fil-gvern iddgħajfu għall-aħħar, waqt li l-lemin jidher riesaq lejn gwerra ċivili.

    Li Franza tkun minn taħt mhix aħbar tajba għall-Ewropa. Biex tirpilja ekonomikament, ir-regoli ta’ tmexxija baġitarja skont il-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà se jkollhom jiġġebbdu aktar. Jekk le, id-dipressjoni ekonomika tibqa’ tiżdied, ħaġa li ħadd ma jrid. Bi Franza ekonomikament midruba għat-tul, ħadd ma jgawdi. Bir-regoli tal-Patt milwija ħalli forsi l-pajjiż jieħu n-nifs, il-kredibilità tal-Ewropa magħquda taqla’ daqqa ġdida.

    Għalhekk, l-isfida ta’ kif għandha tintlaqa’ din il-krizi tikkonċerna mhux biss lill-gvern Franċiż, imma wkoll lill-pajjiżi ewlenin li mexxew ’il quddiem sa issa l-proġett tal-għaqda Ewropea.

    FL-UNIVERSITÀ

    Tassew ħadt ġost nattendi fl-Università il-wirja mtella’ għal Freshers’ Week jew Il-Ġimgħa tal-Istudenti l-Ġodda. Għal sebat ijiem f’diversi tined intramaw postijiet minn fejn l-għaqdiet tal-istudenti, kemm akkademiċi u kemm oħrajn li jorganizzaw attivitajiet ekstra-kurrikulari, ippreżentaw il-ħidma tagħhom.

    Postijiet oħra ttieħdu minn kumpaniji li xtaqu jintroduċu ruħhom mal-istudenti biex jgħarrfuhom bl-opportunitajiet ta’ impjieg li jkunu qed joffru fil-futur.

    Iltqajt ma’ bosta żgħażagħ organizzaturi ffokati fuq il-ħidma tagħhom b’intelliġenza u impenn. Il-biċċa l-kbira mill-ħidmiet ippreżentati dehruli tassew validi. Uħud fakkruni fl-għaqdiet li kienu jeżistu meta kont student jien – l-aktar dawk marbuta mal-attivitajiet sportivi, reliġjużi u fil-qasam tax-xjenza.

    Barra minn hekk, l-okkażjoni fakkritini wkoll f’kemm għaddew snin minn meta kont dieħel jien ukoll għall-ewwel darba bħala student – preċiżament ħamsin sena ilu, xi ġimgħa wara li kienu għalqu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza fl-1964. Brrr!

    HILLERMAN

    Minn żmien Allan Poe, Gaboriau u Conan Doyle, ir-rumanz tad-didektivs żviluppa qatigħ. Fost il-forom li ħa, kien hemm dawk speċjalizzati f’reġjun jew ieħor fejn jispikkaw il-prattika forensika differenti minn lokal għal lokal u l-imġiba kulturali differenti. B’hekk, għamlu avvanz enormi r-rumanzi Skandinavi.

    F’dal-ġeneru kitbiet oħra jambjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet “primittivi” fejn għadu jreġi twemmin antik, tribali. Fuq quddiem kien hemm id-didektiv aboriġeni mill-Awstralja Napoleon Bonaparte.

    Sa ftit ilu ma kontx naf bir-rumanzi ta’ Tony Hillerman, ambjentati fir-riżervi tal-“Indjani” Navajo u Hopi fl-Istati Uniti.

    Qrajt “The First Eagle” ta’ Hillerman: f’nofs ix-xagħri jinqatel uffiċjal tal-pulizija u ħdejh jinqabad żagħżugħ tat-tribu Hopi, imċappas bid-dmija tiegħu. Il-Hopi kien mar hemm biex jikkaċċja ajkla, meħtieġa għal ċerimonja tradizzjonali.

    It-tema, l-iżvilupp tagħha u l-kuntrasti maħluqa mill-valuri ta’ imġiba tribali f’soċjetà moderna jagħmlu r-rumanz tassew interessanti.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0