STĦARRIĠ

  • Set 28, 2014 13:22
  • Miktub minn

    Mhix prattika parlamentari li nużaw f’Malta dik li meta persuna tinħatar għal xi kariga publika tiġi quddiem il-Parlament li jistħarriġha qabel japprovaha. Hi prattika li teżisti fl-Istati Uniti, f’diversi pajjiżi Ewropej u anki fl-Unjoni Ewropea, bħal fil-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea.

    Fil-Parlament tal-Unjoni qed jingħata bidu għall-istħarriġ tal-Kummissjoni l-ġdida mmexxija minn Jean Claude Juncker.

    Fil-prattika huma l-kumitati tal-Parlament li skont il-funzjonijiet tagħhom jiltaqgħu mal-Kummissarji, jagħmlulhom mistoqsijiet u wara jfissru opinjoni dwarhom. Issir jew tista’ ssir pressjoni fuq Juncker biex jibdel jew ineħħi xi kariga jew oħra minn Kummissarju jew ieħor. Juncker jista’ jaqbel, jasal għal xi kompromess jew ma jaqbilx.

    Fl-aħħar il-Parlament jivvota fuq il-Kummissjoni kollha kemm hi. Mhux se jivvota għal kull Kummissarju individwalment.

    Il-proċess ta’ stħarriġ isegwi ritwal ftit ċass, peress li f’kull kumitat jingħata ħin limitat għall-mistoqsijiet. Dan jitqassam fost il-gruppi politiċi skont is-saħħa li għandhom fil-Parlament. Ma jsirux il-botti u risposti repetuti li jipprattikaw fis-Senat Amerikan, pereżempju.

    Studenti fi Brussell

    Kelli laqgħa interessanti ma’ grupp ta’ żgħażagħ studenti Maltin il-ġimgħa li għaddiet fi Brussell. Kienu hemm għal żjara ta’ laqgħat dwar l-Unjoni Ewropea u ġew ukoll biex isiru jafu aktar dwar il-Parlament. Tkellimna dwar kif dan jaħdem u ddiskutejna l-isfidi li għandha quddiemha bħalissa l-Ewropa, l-aktar fit-tmexxija taż-żona ewro, it-tħaddim jew le tal-politika ta’ awsterità bl-effetti li tħalli warajha, u fejn jinsabu l-miri tal-istrateġija Ewropea għas-sena 2020, l-aktar il-mira dwar il-faqar u ċ-ċittadini li jinsabu fil-periklu tal-faqar.

    Ħadt gost nisma’ x’kellhom xi jgħidu u wara l-laqgħa dwar x’biħsiebhom jagħmlu fil-futur. Punt li laqatni kien kif fosthom kien hemm attenzjoni sħiħa għall-isfidi iebsa li għandha quddiemha bħalissa t-tmexxija ekonomika fl-Ewropa.

    Snin wara

    Qed insibha esperjenza stramba dik li wara kważi tlettax-il sena, qed ikolli nerġa’ naqra, mill-ewwel sal-aħħar paġna, rumanz twil li ktibt u li se jerġa’ jinħareġ aktar tard dis-sena. Jismu La Bidu, La Tmiem u ħafna kienu laqqmuh bla-bidu-bla-tmiem għax laħħaq aktar minn tmien mitt paġna.

    Ikolli nammetti li r-rumanz għadu jogħġobni minkejja t-tul tiegħu. Meta ħareġ fil-fatt kont stagħġibt kemm inbiegħ malajr. Ħsibt li l-pubblikaturi kienu qed jesaġeraw jgħidu li spiċċatilhom il-ħażna tiegħu. Kienu kkalkolaw ħażin kemm se jinxtara u ma stampawx biżżejjed minnu.

    Ħsibt ukoll li l-ktieb inxtara bħala kurżità u li ħadd mhu se jaqrah. Biss issorprendejt ruħi bin-nies li ġew ikellmuni dwaru u meta stħarriġthom bil-pulit, kxift li tassew kienu qrawh sal-aħħar.

    Min jaf x’se jiġri bit-tieni edizzjoni.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Set 30, 2014

    La bidu u la Tmiem, Dott, nahseb li kien eccezzjoni ghalija. Eccezzjoni ghaliex jien hxuna ta kotba hekk mhux soltu naqra xi wiehed minnhom, imam dak tieghek kien eccezzjoni, u qed thajjarni nerga naqrah halli niffriska l-memorja.

    Irrispondi