Sfidi jew Opportunitajiet (ii),

  • Set 24, 2014 13:44
  • Miktub minn

    Fl-ewwel parti tal-artiklu ktibt dwar l-istatistika li hemm bżonn biex ikollna stampa sħiħa ta’ x’qed jiġri verament f’dan is-suq – suq li mhux biss hu importanti għall-ekonomija, iżda wkoll għall-konsumaturi għaliex dak li jkun qed jiġri mhux biss jaffettwa l-għoli tal-ħajja u għalhekk l-ispending power tal-konsumaturi, iżda wkoll il-kwalità tal-ħajja.

    Fil-laqgħa li semmejt li l-Prim Ministru kellu mal-komunità tal-kummerċ issemmiet il-VAT. Il-VAT ukoll tagħti statistika dwar dan is-settur, iżda wkoll tagħtina indikazzjoni tal-kapaċità tal-gvern li jiġbor it-taxxi. Il-Prof Scicluna, fl-istess artiklu, ġie kkwotat li qal li jidher li dak li hu ddikjarat fid-dħul ma jikkombinax tajjeb mal-figura tal-infiq. Min-naħa tiegħu,

    ‘Half-jokingly, the PM said he hoped that all retail outlets were making use of their cash registers – a comment that sparked laughter among the attendees’.

    Dan juri li hemm indikazzjonijiet ċari li t-taxxa li qed iħallsu l-konsumaturi mhix qed tasal kollha għand il-gvern. Il-ġbir tat-taxxi fis-snin l-imgħoddija kien suġġett diskuss ħafna, iżda ntesa kompletament dawn l-aħħar snin. Dan minn dejjem kien suġġett jaħraq għaliex imiss ukoll il-kunċett tal-ġustizzja soċjali – f’dan il-każ li kulħadd iħallas skont id-dħul tiegħu.

    Jien nemmen li hemm ħafna evażjoni ta’ din it-taxxa. Jekk il-business hu daqshekk magħfus bl-ispejjeż u l-profitti huma baxxi, minfejn jiġu l-flus għal ċertu affarijiet. Illum is-sajf u kulħadd għandu għajn biex jara x’tip ta’ speedboats qed jinżlu l-baħar. Dawn żgur mhux tal-ħaddiema! Għalija li hemm daqshekk ġid, hi xi ħaġa tajba. Imma ‘you cannot have the cake and eat it’ – ma tistax teqred għal aktar għajnuna u anqas responsabbiltà u fl-istess ħin qed iddaħħalha tajjeb u tevadi t-taxxa.

    Biss nemmen ukoll li l-akbar evażjoni mhix f’dan is-settur għalkemm ċert li min jaħdem f’dan is-settur u l-accountants tagħhom jgħallmuni f’dan il-qasam. Nemmen li l-akbar evażjoni hi fis-self-employed li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi. Fil-bejgħ bl-imnut, meta xi ħadd jimpjega lil ħaddieħor biex jiehu hsieb il-ħanut, ikun aktar jaqbillu li jkollu l-cash register timmarka kull transazzjoni.

    Issa niġu għall-qalba tas-suġġett. Ejja nassumu li l-istatistika li semmejna turi li hemm ġirja għax-xiri fuq l-internet. Għandna niddefendu lill-ħwienet iż-żgħar kontra dan ix-xiri? Jew għandna nieħdu xi triq oħra?

    It-triq magħżula tiddependi mill-attitudni. Jekk inħarsu lejn is-sitwazzjoni bħala sfida jew theddida, it-tendenza hi li mmorru għall-ewwel triq. Jekk inħarsu lejn is-sitwazzjoni bħal opportunità infittxu biex insibu toroq ġodda li nbiddlu. Jien inqabbel sitwazzjoni bħal din ma’ mewġa kbira fil-baħar. Għawwiem normali jħares lejha bħala theddida iżda surfer jaraha opportunità. Filwaqt li tal-ewwel jipprova jiġġildilha minkejja li jaf li probabilment tegħlbu, tat-tieni jieħu l-opportunità u juża l-enerġija li għandha l-mewġa biex jirkeb fuqha u jersaq lejn il-kosta mingħajr tbatija. Akbar ma tkun il-mewġa, tal-ewwel aktar jibża’ u t-tieni wieħed aktar jogħrok idejh bil-ferħ għax ser tagħtih opportunità akbar.

    Nemmen li jekk nieħdu l-ewwel triq, li hi l-eħfef, nippruvaw nimblukkaw ix-xiri tal-konsumaturi minfuq l-internet. Fl-aħħar tas-sena li għaddiet diġà sar attentat mill-MCCAA biex dan isir meta viċin il-Milied ħarġet stqarrija li tgħid li dawk li jixtru affarijiet elettroniċi minn pajjiżi barra l-UE minn konsumaturi jsiru importaturi u jridu jaċċertaw ruħhom li l-affarijiet għandhom ic-CE mark u għandhom Ċertifikat ta’ konformità. Dawn imorru kontra r-regoli tal-UE.

    Wara kampanja pubblika mill-Għaqda tal-Konsumaturi, l-MCCAA qalet li din ma kinitx l-intenzjoni tagħha minkejja li fl-istqarrija tal-MCCAA kien hemm miktub hekk:

    When a person buys a product over the internet from a country outside the European Union and the European Economic Area, he or she is no longer considered to be a consumer but has now become the importer of the product.

    Xi kultant l-awtoritajiet jaħsbu li l-Maltin ma jafux jaqraw bl-Ingliż!

    Fl-artiklu ssemma wkoll li fl-Amerka ddaħħlet taxxa fuq ix-xiri bl-internet. Ħa nassumu li dan hu permess mill-UE. L-effett hu li nkunu qed nikkundannaw lill-konsumaturi Maltin jixtru dak li tiddeċiedi l-komunità kummerċjali taħt il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet li din tiddeċiedi.

    Dan ikun qed inaqqas id-dritt tal-Għażla tal-konsumaturi Maltin, inaqqas il-purchasing power tal-konsumaturi u jħalli lil dan is-suq jiffosilizza minflok jinbidel u jibda joffri dak li joffri xiri fuq l-internet bi prezzijiet jew kundizzjonijiet aħjar. Inkunu wkoll qed nitilfu opportunità li dan is-settur jikber biex jikkontribwixxi aktar lejn l-ekonomija.

    Mill-kummenti li rajt fil-gazzetti għal dan l-artiklu kienu jindikaw li l-Maltin mhux lesti li jaċċettaw restrizzjonijiet fuq ix-xiri online u żgur li jippruvaw isibu mezzi biex xorta jibqgħu jixtru minfuq l-internet. Jekk ma turina xejn l-Istorja, din turina li t-teknoloġija qatt m’għandek tiġġildilha iżda tirkibha.

    Tajjeb li nsemmu każ ieħor li juri li kif ikun hemm xi kontrolli, il-konsumaturi bl-għajnuna tan-negozju jsibu toroq oħra biex xorta jaslu fejn iridu. Kellek Maltin li bdew jixtru minfuq l-internet affarijiet, ħafna minnhom ħwejjeġ ta’ ditti li l-affarijiet tagħhom jinsabu għall-bejgħ Malta. F’daqqa waħda sabu li meta waqt ix-xiri juru li joqogħdu Malta, dawn jew jiġu infurmati li hemm ħanut u ma jitħallewx jixtru jew jiġu mpoġġija f’site oħra tal-ħanut fejn il-prezzijiet ikunu ogħla u x-xelta aktar dejqa.

    Is-soluzzjoni kienet li nħolqu kumpaniji li jipprovdulek indirizz f’pajjiż ieħor u wara jġibulek il-pakkett Malta. L-ispiża titla’ iżda ħafna drabi xorta jkun jaqbillek. Dan ifakkarni f’idjoma Ingliża - You can lead a horse to water, but you can’t make it drink. U hekk jiġri meta l-awtoritajiet jew il-business jippruvaw jiddeċiedu għall-konsumaturi.

    Tajjeb li nagħmlu mistoqsija: Jagħmel sens li konsumatur jixtri fuq l-internet? It-tweġiba insibuha bil-blogs li jkun hemm fil-gazzetti elettroniċi. Prima facie ma jaqbillekx. Dan għaliex jekk ikollok xi problema bl-oġġett li xtrajt jista’ jkollok problema biex issolvi l-problema.

    Iżda meta tqis li ħafna jemmnu li l-business hawn Malta ma jagħtix kas tal-konsumaturi meta dan ikollu xi lment u meta tqis il-flus li tiffranka, ħafna konsumaturi jemmnu li iva, online shopping jaqbillek.

    Ma rridux ninsew li llum sites kbar anki joffru lill-konsumaturi tipi ta’ rimedji għall-konsumaturi. Mhux biss il-konsumatur għandu l-qawwa li jpoġġi lill-bejjiegħ l-isfel fil-lista ta’ ditti tajbin iżda wkoll joffri mezz biex jintlaħaq ftehim. Minħabba dan il-fiduċja tal-konsumaturi tikber.

    Min-naħa l-oħra lanqas irridu ninsew li għalkemm Malta għandna mezz irħis sabiex wieħed ikollu deċiżjoni favur tiegħu permezz tat-Tribunal, hemm negozjanti li ma jagħtux kas għaliex jafu li ħafna mill-konsumaturi ma jkunux iridu jonfqu aktar flus biex jagħmlu din id-deċiżjoni effettiva.

    Hu minħabba dan li nemmen li l-istrateġija għandha tkun li ngħinu lill-business lokali ħalli jidħol f’dan il-qasam u jkun jista’ jipprovdi servizz li hu kompetittiv biex iħabbatha ma’ ta’ postijiet oħra. Jekk dan isir mhux biss ikun ta’ ġid għall-business u l-konsumaturi iżda wkoll għall-ekonomija Maltija għax tkun tista’ tiġbed negozju minn pajjiżi oħra.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Set 26, 2014

    Ma nlumx lil min juza l-internet biex jixtri certo oggetti li minn pajjizna l-prezz taghhom huwa ferm ghola mil prezzijiet li ssib fl-Ewropa biex ma nsemmix pajjizi l-barra mill-UE. Ezem

    Irrispondi