LURA L-ISKOLA

  • Set 24, 2014 13:12
  • Miktub minn

    Għalina li ilna m’għadniex ta’ età zgħira, jew li m’għandniex tfal żgħar jew tfal tat-tfal, jew li ma naħdmux fil-qasam tal-edukazzjoni, il-ftuħ tal-iskejjel ftit jista’ joħloq trawma.

    Min jaf, madankollu, kemm kien hemm dwejjaq u nervi dil-ġimgħa f’Malta – u fil-ġimgħat qabel f’pajjiżi Ewropej fejn l-iskejjel jibdew aktar kmieni – fost it-tfal ta’ Malta u Għawdex.

    Il-vaganzi tas-sajf spiċċaw u kellhom jerġgħu jitilqu lejn l-iskola. Dan forsi ma jgħoddx għat-tfal kollha: anki jekk hu hekk, ninsab żgur li t-tfal ferħanin kienu f’minoranza.

    Esperjenza diffiċli żgur ukoll tkun għal dawk li jorganizzaw ir-ritorn lejn il-klassijiet. L-iċken żball jew kalkolu ħażin jista’ joħloq kontroversji kbar. It-tħejjija tieħu xhur sħaħ ta’ ħidma.

    Ġimagħtejn ilu, hekk kif kienet għadha kemm nediet is-sena skolastika ġdida f’pajjiżha, il-Ministru Franċiża tal-edukazzjoni ammettiet li t-tħejjijiet għall-ftuħ tas-sena dieħla kienu diġà bdew.

    ***

    Favur in-negozji l-kbar

    Kif qed ikomplu jistrutturaw irwieħhom l-ekonomiji moderni, qed jirriżulta dejjem aktar li d-deċiżjonijiet ewlenin li jittieħdu, irridu jew ma rridux, jispiċċaw ikunu l-aktar ta’ appoġġ għan-negozji l-kbar. Veru li nistqarru mod ieħor – infaħħru l-inizjattiva u s-siwi tan-negozji ż-żgħar – imma fir-realtà, il-logħba ekonomika tibqa’ ppernjata madwar l-istrutturi l-kbar.

    Mhux ta’ b’xejn li wieħed mill-ilmenti l-aktar mifruxa fl-Ewropa hu li n-negozji ż-żgħar ma jsibux jissellfu kemm iridu.

    Il-verità hi li f’sistema ekonomika neoliberali, il-kbar se jibqgħu jikbru u l-interess tagħhom isir qisu l-interess tal-komunità kollha kemm hi. Nitkellmu kontra l-monopolji imma effettivament monopolji moħbija joperaw b’saħħa u b’appoġġ, mhux biss f’Malta imma fuq skala globalizzata.

    Żvilupp “naturali” f’qafas bħal dan hu x’rajna jiġri fil-qasam tal-banek globalizzati: instab li l-miżuri li jintużaw biex ikejlu l-forzi tas-suq tal-imgħaxijiet kienu qed jiġu manipulati minn taħt skont l-interessi tal-akbar banek.

    ***

    Wirja

    L-Italja qed tagħti xhieda interessanti dwar kif kif pajjiż li jkun qed iservi fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea jista’ juża din il-kariga biex jippubbliċizza l-inizjattivi soċjali u kulturali li jkun għaddejja fi ħdanu.

    Fil-kurituri tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu ttellgħet wirja sabiħa ta’ pitturi ta’ artisti Taljani kontemporanji. Ġie ppubblikat ktieb bi stampa żgħira ta’ kull pittura u bijografija tal-artisti.

    Inizjattiva bħal din tagħmel sens għax hi tajba fiha nnifisha u għax tiftaħ tieqa fuq kif qed tiżviluppa l-ħajja kulturali fl-Ewropa. B’hekk ikun qed jiġi enfasizzat li t-tmexxija tal-ġnus Ewropej ma tikkonsistix biss f’ħidma ekonomika imma tmur lejn orizzonti ħafna usa’ minn hekk.

    Il-produzzjoni artistika Taljana tal-aħħar erbgħin sena hi tassew impressjonanti. Mhux qasam li segwejt mill-qrib. Il-wirja għallmitni kemm għandu jiddispjaċini għal dan-nuqqas.

    (alfredsant.org),

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0