Trasport Pubbliku – Okkażjoni li għandna naħtfuha

  • Aww 27, 2014 10:53
  • Miktub minn

    Ftit ta’ jiem ilu tħabbar li l-proċess biex tintgħażel il-kumpanija li tefgħet l-aħjar offerta biex tmexxi t-trasport tal-karozzi tal-linja sar u l-kumpanija u l-gvern issa bdew taħditiet. Nemmen li dan hu mument importanti biex nirriflettu sabiex ma nerġgħux ngħaddu mis-saga li għaddejna minnha meta ħadet is-servizz taħt idejha l-Arriva.

    Wara li telqet l-Arriva, din is-sistema tat-trasport bdiet titmexxa mit-Transport Malta. Jekk nagħtu ħarsa lejn fejn wasalna llum, naraw ukoll id-difetti li għad baqa’ biex negħlbu dawn il-problemi. Waħda mill-ewwel tibdiliet li saret kienet li tneħħew il-bendy buses. L-attitudni tan-nies lejn dawn il-karozzi ittappnet bis-sħiħ meta numru ta' dawn ħadu n-nar waqt li kienu fis-servizz bil-passiġġieri fuqhom. Il-bendy buses ġew irtirati. Iżda n-nuqqas ta’ dawn ħoloq problema għaliex dawn kienu jġorru ħafna nies. Il-problema ttaffiet meta nkrew numru ta’ karozzi mingħand il-privat. Biċċiet minn dawn għadhom jaħdmu sal-lum.

    In-numru ta’ karozzi li żdiedu hu tajjeb għaliex illum hu aktar ta’ min toqgħod fuqu li ser tasal tajjeb għax-xogħol. Irridu niftakru li waħda mill-problemi li kien hemm speċjalment fil-bidu tal-Arriva kienet li kont trid titlaq sigħat sew qabel ma tibda x-xogħol biex ikollok ċertu serħan tal-moħħ li ser tasal għax-xogħol. Din il-problema għamlet ħsara kbira sew lill-Arriva u sew lis-sistema. Kellek ħafna min-nies, anki xi wħud li kienu reġgħu bdew jużaw dan is-servizz pubbliku qatgħu qalbhom u reġgħu bdew jużaw il-karozza tagħhom. Din ma kinitx l-unika problema għaliex dawn il-karozzi żejda fit-toroq tagħna speċjalment fil-ħin li n-nies kienu jivvjaġġaw biex imorru għax-xogħol bdew jikkawżaw traffic jams kbar.

    Żgur ħaġa li għenet biex tittaffa din il-problema hi t-tariffi mraħħsa għall- użu tal-‘park and ride’. Eżempju hu l-park and ride tal-Blata-l-Bajda. Dan fejn sa ftit żmien ilu kien ikun kompletament vojt, illum reġa’ qed ikun mimli, turija li dan ir-roħs fil-prezz ġab lura nies li kienu qed jużaw biss it-trasport tagħhom.

    Bħalma ktibt l-ingaġġ ta’ aktar karozzi solviet il-problema iżda ħolqot problemi għax-xjuħ tagħna li bdew isibuha diffiċli li jirkbu dawn il-karozzi għaliex mhux adattati peress li ħafna kellhom numru ta’ taraġ li trid titla’ biex tilħaq il-gabina. Nisperaw li aktar karozzi ġodda jiżdiedu biex dawn il-karozzi mikrija jiġu rtirati kollha.

    Dan il-kiri ta’ karozzi mill-privat kienet spiża mhux ħażin għaliex barra l-ispiża tal-karozzi, il-passiġġieri lanqas ma kienu jħallsu għaliex ma kellhomx magni tal-biljetti. Din ukoll ġiet solvuta, l-ewwel billi kien hemm ‘kundutturi’ li jiġru r-rotot u jbiegħu l-biljetti u llum hu x-xufier li jagħtik biljett li tista’ timmarka int stess.

    Ħaġa li żgur tjiebet kienet li l-bords elettroniċi mqassma fuq diversi rotot għall-ewwel darba bdew jaħdmu. Permezz ta’ dawn il-konsumaturi li jużaw l-istages li għandhom dawn il-bords jkollhom idea ċara kemm ser idumu jistennew qabel karozza titfaċċa.

    Min-naħa l-oħra, ħaġa li żgur marret lura hi l-imġiba tax-xufiera. Għalkemm din mhix fl-istat li kienet ġiet is-sistema l-antika, l-imġiba marret lura ħafna. Illum erġajna għaż-żmien fejn ix-xufiera kważi jagħmlu li jridu. Għandek uħud minnhom li jaqbżu l-istages meta jridu u jogħġobhom mingħajr ma jrikkbu ‘l ħadd. Oħrajn kull meta jaraw lil xi ħadd fuq l-istage li għandu ġilda skura, idawru wiċċhom u jibqgħu għaddejjin qiesu ma jkun hemm ħadd. Fil-bidu waħda mill-aktar affarijiet li kienu jiddistingwu lil dawn ix-xufiera minn ta’ qabilhom kienet li meta jaslu fuq stage kienu jersqu viċin ħafna tal-bankina filwaqt li jniżżlu t-truck biex passiġġieri li għandhom diffikultà jkunu jistgħu jirkbu mingħajr tbatija. Għal ħafna mix-xufiera dan spiċċa u llum dawn ġieli jwaqqfu f’nofs ta’ triq u lanqas jindenjaw ruħhom iniżżlu t-truck. Drawwa li daħlet għal xi wħud hi li meta jittendu li huma ‘l quddiem fil-ħin tal-vjaġġ, f’nofsu jieqfu u jieħdu break fuq stage li jidhirlhom huma. Filwaqt li nemmen li x-xufiera għandhom ikollhom break sura ta’ nies, ma nemminx li dan għandu jittieħed f’nofs vjaġġ. Din id-differenza ġabet bidla anki fil-passiġġieri, għaliex id-drawwa li kienet daħlet li kif ikunu niżlin il-karozza kienu jirringrazzjaw lix-xufier, illum rari ħafna li din taraha. Dan juri li l-passiġġieri llum ittendew li s-servizz mix-xufiera mar lura. Mill-esperjenza tiegħi n-nisa u xi xufiera li jidhru li huma barranin huma l-aħjar għaliex qed jieħdu x-xogħol tagħhom bis-serjetà, huma serji u jieħdu ħsieb il-passiġġieri.

    Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin tajjeb, jidher li fi ftit żmien ieħor, ser jerga’ jkollna service provider privat ieħor. Dan iqajjem ċerta mistoqsijiet li għandhom jiġu kkunsidrati. L-Arriva kienet ħadet is-servizz kollu f’idejha f’daqqa bit-tibdil kollu li kien fih. Dan ġab miegħu ċerta problemi. Nemmen li tajjeb nikkunsidraw li s-service provider il-ġdid jieħu s-servizz f’idejh biċċa biċċa. Hemm ħafna raġunijiet għal dan. Jekk isir hekk, ikun jista’ jibni l-organizzazzjoni tiegħu bil-mod il-mod fuq pedamenti soda.

    Waħda mill-aktar affarijiet li jrid isaħħaħ hu l-management tas-sistema. Jidher li dan kien l-akbar difett tal-Arriva. Qatt ma kellhom sistema ta’ management soda li tilqa’ għall-bżonnijiet u li tagħti servizz ta’ kwalità. Jekk il-kumpanija tieħu s-servizz bil-mod il-mod, tkun tista’ tiżgura li s-sistema tal-management tkun ta’ livell għoli u li dan ikun mifrux biex jagħti servizz tajjeb lill-passiġġieri. Żgur ħaġa li trid tissaħħaħ hi l-ħolqa bejn is-sistema tal-management ċentrali u d-dispatchers. Jidher li ħafna drabi dawn jintelqu għal rashom bil-konsegwenza li lanqas huma kapaċi jwieġbu mistoqsija sempliċi li jagħmluha ħafna passiġġieri – fi x'ħin ser ikun is-servizz li jmiss għal ċerta lokalità! Speċjalment fil-venda tal-Belt, ħafna drabi tarahom jaħarbu lill-pubbliku għaliex ma jkunux jafu jwieġbu. Dan meta x-xogħol tagħhom hu li jtaffu l-problemi li jistgħu jinqalgħu fil-prattika.

    Hu importanti li l-kumpanija l-ġdida tibda fuq saqajn tajba biex ma jerġax jiġri dak li kien ġara qabel u nnaffru n-nies milli jużaw dan is-servizz. Il-kumpanija trid tibni fuq it-tajjeb li hemm u tespandi s-servizz. Jekk tibda biċċa biċċa, dan ikun jista’ jsir. Per eżempju, hemm bżonn li kull karozza jkollha s-servizzi kollha u mhux bħalma kien ġara speċjalment fl-aħħar tal-Arriva li ħafna karozzi la kellhom l-air conditioning jaħdem u lanqas il-bord elettroniku biex jurik f’liema stage tkun waslet il-karozza. Ħaġa oħra li hemm bzonn hi li jiżdiedu l-bords elettroniċi fuq l-istages biex ikun hemm aktar informazzjoni realistika lill-passiġġieri.

    Jekk nibdew bil-mod, l-istandards ikunu jistgħu jitjiebu. Fost dawn hemm bżonn li terġa’ tidħol aktar dixxiplina fuq ix-xufiera. Il-ħaddiem għandu dritt għall-kundizzjonijiet tajba iżda għandu d-dmir li jagħti servizz tajjeb. Min jemmen li jista’ jagħmel il-kundizzjonijiet tas-servizz hu, postu żgur mhux li jibqa’ jagħti servizz. Ħaġa oħra li hemm bżonn li ssir hi li l-karozzi li hemm fis-servizz jinbidlu ftit ftit għaliex ħafna minnhom illum bdew jaqgħu biċċiet. Il-karozzi l-ġodda li ġew introdotti dan l-aħħar huma tajba għaliex huma iżgħar u għalhekk adattati għat-toroq tagħna u ħdejn dawk li ġabet l-Arriva ma jagħmlux ħafna ħsejjes.

    Ħaġa li tista’ tgħin sew lis-sewwieqa u sew lill-passiġġiera li diġà jkunu fuq il-vjaġġ hi jekk insibu mezz kif il-passiġġieri jkollhom diġà l-biljett qabel ma jitilgħu fuq tal-linja. Għall-passiġġieri dan hu vantaġġ għaliex inaqqas sew il-ħin tal-vjaġġ. Jekk wieħed joqgħod jikkalkula kemm jinħela ħin sabiex ix-xufier jaqta’ l-biljetti tal-passiġġiera, isib li dan hu wieħed sostanzjali. Dan jgħin lis-sewwieq b’żewġ modi. L-ewwel inaqqas ix-xogħol tax-xufier sabiex jagħti l-bqija. It-tieni, jekk jonqos il-ħin tal-vjaġġ is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu l-mistrieħ tagħhom b’mod diċenti u mingħajr skomdu ghal ħadd.

    Biss biex dan isir hemm bżonn li l-ewwel inżidu l-ammont ta’ magni li hemm. Dawn huma mpoġġija f’ċertu postijiet biss. Ċert li hemm ħafna postijiet fejn dawn jistgħu jiżdiedu. It-tieni hemm bżonn ta’ kampanja fuq it-televixin biex ngħallmu n-nies kif jużawha. Ċert li ħafna min-nies ma jużawhomx għaliex ma jafux kif jużawhom. Jien semmejt il-magni, biss hemm mezzi oħra kif nistgħu niffaċilitaw dawn l-affarijiet. Dan l-aħħar ħarġu biljetti li jistgħu jinxtraw mill-ħwienet. Dawn għandhom jiżdiedu u biex niggarantixxu li ħdejn l-istages il-passiġġiera jkunu jistgħu jinqdew. Kif nassiguraw li dan sar, imbaghad jistgħu jittieħdu passi biex inħajru lill-passiġieri jużawhom. Nemmen li l-aħjar mod hu li jekk int taqta’ l-biljett minfuq il-karozza tal-linja, ikollok tħallas aktar. Dan jiżgura li n-nies ikollhom il-biljett qabel ma jitilgħu fuq il-karozza.

    Semmejt l-attitudni ta’ ċerta xufiera. Nemmen li dan ġej għaliex għad għandhom ċerta kundizzjonijiet li mhux tajba għall-ħaddiema. Semmejt il-ħin tal-mistrieħ. Ix-xufier għandu d-dritt li dan jieħdu f’post diċenti. Illum il-faċilitajiet li għandhom mhux tajba. Dan tarah speċjalment il-Belt fejn mhux l-ewwel darba tara xi xufier qed jistrieħ fuq xi għatba fid-dell. Il-ħaddiem irridu nistmawh ta’ nies jekk irridu li jġib ruħu ta’ nies mal-passiġġieri.

    Hu importanti li s-serjetà tibda mill-bidu. Għalhekk nemmen li l-kundizzjoni li kien hemm fil-kuntratt tal-Arriva, li din ma teħel l-ebda multi għall-ewwel ftit xhur jekk ma toffrix servizz tajjeb, m’għandhiex tkun fil-kuntratt il-ġdid. L-istess il-multi għandhom ikunu għolja biżżejjed sabiex jiggarantixxu li l-kumpanija jkun jaqbilha li tagħti s-servizz imwiegħed. Biss il-kuntratt ma jiswa xejn jekk Transport Malta ma tispezzjonax dan is-servizz u tieħu l-passi meħtieġa.

    Semmejt lil Transport Malta. Dawn ma jistgħux iħallu li s-servizz l-ewwel imur lura u wara jieħdu l-passi. Waħda mill-affarijiet li jista’ jsiru hu li l-ilmenti li jidħlu lill-kumpanija għandhom jiġu rekordjati u mgħoddija lill-Transport Malta biex din tkun tista’ taf in-nuqqasijiet fis-servizz. Dan kien difett kbir meta kien hemm l-Arriva u kien ghalhekk li s-servizz mar lura ħafna. Min-naħa l-oħra, Transport Malta għandha tara li l-ilmenti li jkun hemm jittieħdu passi fuqhom u l-passiġġiera involuti jkunu infurmati.

    Barra Transport Malta hemm ukoll l-MCCAA li għandha tieħu interess li tassigura li dan is-servizz għandu jkun wieħed tajjeb għall-passiġġieri. Fost dawn għandha tassigura li fit-termini tas-servizz ma jkunx hemm ‘unfair commercial terms’. S’issa l-MCCAA dejjem ħaslet idejha bħalma tagħmel is-soltu minkejja li qed inħallsu l-miljuni ta’ Ewro biex nassiguraw li l-konsumaturi jkollhom servizzi tajba. Tajjeb infakkru li llum hemm sentenza tat-Tribunal tal-Konsumaturi wara azzjoni mill-Għaqda tal-Konsumaturi fejn uriet biċ-ċar li l-MCCAA ma tistax tibqa’ gallerija. S’issa jiddispjaċini li minkejja li kien hemm bidla fil-gvern, l-attitudni għadha l-istess.

    Nemmen li s-servizz tal-karozzi tal-linja dejjem kien joffri ħafna vantaġġi għall-passiġġieri. Biss dejjem kien ikun hemm affarijiet li jagħmlu dan is-servizz wieħed li ma tistax tafdah. Huma dawn l-affarijiet li bi sforz kollettiv hemm bżonn naraw li ma jkomplux. L-okkażjoni li jkollna operatur ġdid, tagħtina din l-opportunità. Jekk nitilfu din l-okkażjoni, jista’ jkun li qatt ma terġa’ tiġi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0