Aktar studju – agħraf imxi

  • Aww 12, 2014 12:33
  • Miktub minn

    Fost il-ħafna karti li nirċievu bħala riklamar, bħalissa jkun hemm numru tajjeb ta’ karti li jirreklamaw xi tip ta’ kors. Dan barra l-korsijiet li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni jorganizza. L-industrija tal-edukazzjoni tidher li qed tikber mhux ħażin. L-ewwel bdejna b’xi kulleġġ ‘l hemm u ‘l hawn barra l-iskejjel tal-Ingliż, u issa hemm numru li dejjem qed jikber ta’ service providers li qed jipprovdu kull tip ta’ korsijiet. Barra dawn, hemm numru ta’ NGO’s li wkoll joffru ċerti korsijiet dwar il-qasam li huma jaħdmu fih .

    Minn kull kors tista’ titgħallem xi ħaġa u għalhekk kull kors hu tajjeb sew biex jiffurmalek il-karriera tiegħek, biex titgħallem xi sengħa u sew għall-karattru. Biss għal ħafna, l-aktar korsijiet li huma importanti huma dawk li jistgħu jkunu utli għall-karriera. Dawn qed ikunu mfittxija ħafna miż-żgħażagħ u sew minn dawk li jixtiequ jbiddlu l-impieg tagħhom jew javvanzaw fil-karriera. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar hemm bżonn ta’ ħaddiema li jkollhom livelli differenti ta’ edukazzjoni. Illum anki operator ġo fabbrika għandu bżonn ta’ ċertu livell bażiku ta’ edukazzjoni għaliex il-magni saru ħafna aktar sofistikati u kollha jkollhom ċertu istruzzjonijiet sew miktuba u oħrajn li jitilgħu fuq l-iskrin.

    Min-naħa l-oħra, hemm xogħol li jkun jirrikjedi ħafna aktar sengħa u għalhekk ikun hemm bżonn ta’ ħafna aktar taħriġ fil-fond sakemm wieħed isir professjonista fil-qasam tiegħu. Dan ma jgħoddx biss għax-xogħol tas-snajja’ iżda għal kull qasam tax-xogħol. Illum biex wieħed ikun jaf kemm hu fond dan it-tahħriġ għandna l-livelli skont qafas Malti ta’ livelli għaċ-ċertifikati. Dan it-taħriġ ġab miegħu wkoll ħafna ċertifikati fl-idejn għaliex hi din il-karta li turi li dik il-persuna tkun għamlet dak it-taħriġ.

    Iċ-ċertifikati llum saru qishom flus. Ċertifikat ma jintużax biss biex tapplika għal xi kors l-Università jew biex issib post tax-xogħol partikolari iżda jista’ jintuża biex tapplika għal kull tip ta’ job peress li ħafna applikazzjonijiet għal jobs qed jirrikjedu li l-persuna tkun laħqet ċertu livell ta’ edukazzjoni. Anki hawn saru żviluppi għaliex dawn iċ-ċertifikati jistgħu jintużaw ukoll ġo pajjiżi oħra. Hu minħabba f’hekk li llum iċ-ċertifikati jkun fihom ċerta informazzjoni bażika bħal min qed joħroġ iċ-ċertifikat, l-isem ta’ min għamel il-kors, l-isem tal-kors u ħafna drabi wkoll jekk min għamel dan il-kors kellux ipoġġi għal eżami biex jieħu dak iċ-ċertifikat u anki kif mar permezz ta’ marka. Hemm oħrajn li anki juru l-livell tal-kors.

    Biss biex dan seta’ jsir u biex iċ-ċertifikat ikun jista’ jintuża bħala munita f’ħafna oqsma u anki f’pajjiżi oħra, illum ikun hemm bżonn li t-taħriġ ikun approvat. Approvazzjoni tingħata sew lill-istituzzjoni jew service provider kif ukoll il-kors innifsu. Jekk il-kors ikun approvat, jingħata livell skont il-qafas nazzjonali. Illum kull pajjiż għandu istituzzjonijiet li għandhom is-saħħa li japprovaw dawn il-korsijiet. Din l-approvazzjoni toħroġ wara li sew min qed jagħti l-kors u anki l-kors minnu nnifsu jissodisfa ċerti kriterji stabbiliti.

    Dan qed ngħidu għaliex student li jkun qed jagħmel kors hu konsumatur. U bħal kull konsumatur għaqli jiċċekkja l-affarijiet qabel jixtrihom u jara li dak li ser jixtri hux dak li għandu bżonn. Għalhekk jekk jien ser nagħmel kors sempliċi għall-gost tiegħi, m’għandix għalfejn nidħol f’ħafna affarijiet, iżda jekk jien ser nagħmel kors biex nużah fid-dinja tax-xogħol hu importanti li nkun ċert x’ser nixtri u rrid nara li jissodisfa ċerti kriterji li huma mfittxija.

    L-aktar żewġ kriterji li huma mfittxija għal ħafna jobs huma min organizza l-kors u anki l-livell tiegħu. Illum il-livelli f’ħafna pajjiżi jistgħu jiġu mqabbla u bħal flus differenti kull pajjiż għandu l-kambju tiegħu. Sintendi Malta l-livelli tagħna huma l-istess bħal-livelli Ewropej u permezz ta’ hekk il-livelli ta’ ħafna pajjiżi, speċjalment Ewropej, ikunu jistgħu jiġu mqabbla.

    Bħal ħafna oqsma oħra, illum hemm għajnuna biex il-konsumaturi jkunu jafu x’qed jixtru f’edukazzjoni. llum anki f’Malta hemm listi li juru liema istituzzjonijiet jew service providers li huma rikonoxxuti u anki l-korsijiet li huma approvati bil-livell tagħhom. Dawn il-listi huma pubbliċi u tista’ ssibhom permezz tal-internet. F’Malta l-istituzzjoni inkarigata minn dawn l-affarijiet hi l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (National Commission for Further and Higher Education),. Fuq il-website ta’ din l-istituzzjoni (www.ncfhe.org.mt), il-konsumaturi jistgħu jsibu dan it-tagħrif utli.

    Bħalma ktibt aktar 'il fuq, kull kors għandu l-valur tiegħu. Anki dawk il-korsijiet li ma jinstabux fil-listi li semmejt għandhom il-valur tagħhom għaliex kull tip ta’ edukazzjoni qed tiżviluppa l-persuna. Sintendi dawk li huma fuq il-listi jistgħu jintużaw f’ħafna oqsma speċjalment fil-qasam tax-xogħol sew f’Malta u sew barra minn Malta.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook