Kumpaniji Ewropej u l-konsumaturi

  • Aww 06, 2014 19:07
  • Miktub minn

    Ftit ilu l-Prim Ministru qal li l-Gvern bi ħsiebu jgħin lil dawk il-kumpaniji li jridu jidħlu joperaw fis-suq Ewropew. Aħbar li ssemmiet u ntesiet kważi fl-istess nifs. Inħoss li din kienet aħbar importanti għal numru ta’ raġunijiet.

    Safejn naf jien, din hi l-ewwel darba li gvern Malti qed jara kif jista’ jgħin lil kumpaniji Maltin jidħlu verament fis-suq Ewropew. Hemm min jgħid, li l-gvernijiet Maltin dejjem ipprovaw jgħinu l-esportazzjoni u ilna mal-50, 60 sena nesportaw prodotti. Biss jien nara li din hi qabża kbira. Qabel, ħafna mill-esportazzjoni kienet ġejja minn kumpaniji internazzjonali stazzjonati Malta. Anki meta kellna kumpaniji Maltin li jesportaw, dawn dejjem raw lis-suq Malti, minkejja li hu żgħir, bħala s-suq prinċipali tagħhom u l-esportazzjoni kienet biss iċ-ċirasa fuq il-kejk.

    Li nemmen li qed jgħid il-Prim Ministru hu li lest li jgħin kumpaniji Maltin jagħmlu qabża psikoloġika importanti – dik li jaraw lilhom infushom bħala kumpaniji Ewropej. Hawn l-iffukar ma jkunx is-suq Malti iżda dak Ewropew.

    Din hi politika importanti għaliex b’politika bħal din verament inkunu nistgħu nisfruttaw bis-serjetà s-suq Ewropew. Dan ikun billi jkollna kumpaniji Maltin li qed jaraw is-suq tagħhom bħala dak Ewropew u mhux Malti.

    S’issa f’dan il-qasam ftit kellna suċċess. Is-suċċess tista’ tgħid qiegħed f’kumpaniji ġodda fis-settur tal-IT li mal-ewwel irrealizzaw li biex jagħmlu suċċess iridu jqisu s-suq Ewropew bħala s-suq tagħhom minħabba li s-suq Malti hu suq verament żgħir. Huma kumpaniji li huma stazzjonati Malta jew li huma Maltin iżda jaħdmu għas-suq Ewropew. Dan ifisser li l-prodotti tagħhom u s-servizzi li joffru huma ddisinjati Malta għas-suq Ewropew u mhux bħal ma kien isir qabel prodott iddisinjat għas-suq Malti u jekk jinzerta jintoġgħob allura nippruvaw nesportawh. Dan iffisser wkoll li l-istandards li jridu jilħqu huma dawk li qed jilħqu kumpaniji oħra li ilhom jaħdmu u jesportaw lejn dan is-suq. Generalment huma klijenti kbar li għandhom bżonn prodotti u servizzi ta’ kwalità u fil-ħin.

    Nemmen li l-kumpaniji Maltin għandhom żvantaġġ. Dan hu ċ-ċokon tas-suq Malti. Peress li l-iffukar kien is-suq Malti dawn ma setgħux jieħdu ċerti vantaġġi. Per eżempju l-vantaġġ ta’ economies of scale ma kienx hemm. Kien għalhekk li l-gvernijiet Maltin dejjem ħarsu biex jaraw kif jistgħu jippromovu l-prodott Malti biex allinqas jinxtara mill-Maltin. Dan ħafna drabi ġab miegħu protezzjoni qawwija għall-industrija Maltija bil-konsegwenza li din il-protezzjoni kellhom iħallsu għaliha l-konsumaturi Maltin. Protezzjoni li żgur kien hemm bżonnha fil-bidu, iżda fit-tul taż-żmien għamlet ħsara għaliex l-istandards niżlu. Ħaġa li ħafna Maltin jgħidu fuq prodotti Maltin hi li jibdew tajjeb iżda wara ftit il-kwalità u s-servizz jibda jmur lura.

    Il-protezzjoni ma kienitx waħda ekonomika biss għaliex fattur important kien in-nuqqas ta' infurzar ta’ regolamenti speċjalment fejn jidħlu standards. Per eżempju, fattur li ħafna drabi ma jiġix infurzat hu dak tal-wżin. Ftit li xejn issib prodotti Maltin li jekk tiżinhom issib li għandhom il-piż li għandhom stampat fuq il-pakkett. Liġijiet hemm, iżda nfurzar m’hemmx. Din it-telqa ġabet magħha standards baxxi li jitfa’ l-prodotti Maltin fi żvantaġġ ma' prodotti barranin mhux biss fis-suq lokali iżda speċjalment f’suq barrani.

    Hu għalhekk li nemmen fl-infurzar tal-liġijiet. Jekk ikun hemm infurzar fuq il-liġijiet tal-konsumaturi – u dawn jinkludu l-istandards – il-prodott Malti jissaħħaħ. Dan jgħin ħafna biex il-prodott Malti jkun kompetitiv speċjalment fuq bażi ta’ kwalità meta mqabbel ma prodotti oħra.

    Semmejt l-infurzar. Dan irid isir bi prudenza. F’Malta għandna tendenza li mmorru fl-estremitajiet. Jew ngħalqu għajnejna għal kollox u ndarwru wiċċna biex ma naraw xejn jew inkella irridu nkunu verġni aktar mill-verġni. Dan jgħodd għal kull regolament. Inqies il-ħarsien tar-regolamenti hu bħal meta taqbad tazza tal-ħġieġ. Jekk int ma taqbadiex sewwa hemm ċans li taqalek minn idejk u tinkiser. Jekk tagħfasha ħafna, hemm probabiltà li ser tinkisirlek xorta.

    Ir-regolamenti jridu jiġu nfurazati fuq mhedda ta’ żmien – medda li la hi twila ħafna li ma twassal għall-ebda infurzar jew li tkun qasira li ġġib problemi kbar. Qabel ma tibda tinforza trid tara liema standard diġà lħaqna u wara tibda ttella' l-istandards fuq pjan fuq medda ta’ żmien speċifiku li kulħadd ikun jaf bih. L-infurazar irid ikun kontinwu u mhux daqqa iva u daqqa le għaliex tkun qed tagħti sinjali mħawda sew lill-industrija u sew lil-konsumaturi.

    Nemmen li l-politika li ħabbar il-Prim Ministru li jagħmel kumpaniji Maltin, kumpaniji Ewropej hi ċ-ċavetta għal futur ta’ suċċess għall-industrija Maltija u tkun wkoll ta’ ġid għal konsumaturi lokali. Biss biex tirnexxi irid ikun hemm sforz aktar wiesa u komprensiv.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook