Festi - Direzzjoni

  • Lul 29, 2014 14:06
  • Miktub minn

    L-aħħar li ktibt dwar dan is-suġġett qajjimt reazzjoni mhux ħażin. Din ma kinitx l-intenzjoni tiegħi għaliex ġeneralment meta jkun hemm reazzjoni qawwija, ma tantx isir raġunar. Ir-raġuni hi li dawn il-gruppi involuti, meta jkollhom xi kritika, jħossuhom mhedda bħalma jħossuhom dawk li huma kontra kull tip ta’ bidla.

    Din hi xi ħaġa li nifimha u għalhekk naċċetta dak it-tip ta’ kritika. Min-naħa l-oħra, ħaġa li ħarġet hi li hemm nies li bħali jixtiequ li l-affarijiet f’dan il-qasam jitjiebu biex kulħadd iħossu parti minn dawn il-festi. Fejn qabel il-festi kienu xi ħaġa reliġjuża llum għandhom funzjoni aktar wiesgħa għaliex huma okkażżjoni fejn ir-raħal jew belt jista' jiċċelebra flimkien. Huma wkoll espressjoni tal-lokal. Dan għaliex permezz ta’ dak li jsir toħroġ il-karetteristika tal-lokal fejn kull lokal juri li għandu identità differenti u unika minkejja li bażikament iċ-ċelebrazzjonijiet huma l-istess.

    L-iskop tal-kritika tiegħi kien li nibdew naħsbu biex isir qabża fil-kwalità. Din mhix xi ħaġa ġdida u bidla, ħafna drabi, ġid iġġib u mhux theddid. Niftakar li ftit ta’ snin ilu, kellna ħafna festi fejn nies minn barra l-lokal kienu jiddarsu jersqu għaliex kienu jistennew il-ġlied. Fortunatament għaddejna minn din il-fażi u llum il-fest saru okkażżjoni ta’ ċelebrazzjoni u mhux tensjoni.

    Dan ma ġarax waħdu iżda għaliex l-awtoritajiet, speċjalment dawk ekleżjastiċi, kienu ħadu pożizzjoni ċara u mhux l-ewwel darba li kienu jħassru l-festa meta jinqala' l-ġlied minkejja li din id-deċiżjoni kienet titieħed fl-istess ġurnata tal-festa meta kollox ikun ippreparat. Jekk niftakar sew, anke l-pulizija kienu taw is-sehem tagħhom.

    Niftakar, li tul dan iż-żmien, kien hemm ħafna li kitbu bil-qawwa għaliex kienu jaħsbu li dan kien attakk kontra dawk li jorganizzaw dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Minflok, iżda, mhux talli l-festi ma ddgħajfux iżda ssaħħu għaliex tnaqqas dak l-estremiżmu u l-pika li kienet daħlet u l-festi saru aktar messaġġ ta’ għaqda milli ta’ firda. Issaħħu għaliex illum aktar nies saru jħossuhom komdi li jattendu.

    Bħalma dak l-isforz ġab titijieb, nemmen li tibdil ieħor jista’ mhux biss isaħħaħ il-festi iżda jdawwar il-festi bħala ċelebrazzjoni li tagħti sodisfazzjoni akbar lil dawk li jiċċelebrawha għaliex bil-ferħ u ċ-ċelebrazzjoni tagħhom ma jkunu qed idejqu 'l ħadd.

    Nemmen li dan hu prinċipju sakrosant - li individwu jagħmel li jrid sakemm bl-azzjonijiet tiegħu ma jkunx qed ixekkel lil ħadd mil-libertà tiegħu. Dan hu prinċipju li jolqot kull sfera tal-ħajja u l-festi mhux eċċezzjoni. Hu għalhekk li nemmen li filwaqt li dawk li jħobbu l-festi għandhom id-dritt li jiċċelebraw il-festi, oħrajn li għal xi raġuni ma jixtiequx jipparteċipaw fil-festa, għandhom ikollhom il-libertà li jkomplu jgħixu ħajjithom mingħajr jew bl-anqas tfixkil.

    Naħseb li minn dan l-għadd, hemm żewġ affarijiet li hemm bżonn naraw biex insolvu. Żgur li l-ewwel hi s-sistema tat-traffiku speċjalment meta l-lokal minnu jgħaddi ħafna traffiku biex jilħaq postijiet oħra. L-aħħar darba semmejt il-Fgura. Biss din mhux eċċezzjoni għaliex fl-istess ġurnata kien hemm il-festa tal-Imsida – post li jgħaqqad ħafna postijiet oħra. Mhux biss ingħalqet l-Msida iżda biex isir in-nar ingħalqet arterja prinċipali oħra. Kull min kellu bżonn jgħaddi minn hemm jaf bil-probelmi li kellu biex jara minfejn se jgħaddi! Issa fi ftit ta’ żmien ieħor issir il-festa tal-Mosta fejn għal madwar ġimgħa għal perijodi kbar ikollok iċ-ċentru tal-Mosta magħluq bil-konsegwenza li lanqas it-trasport pubbliku ma jista’ jgħaddi. Bħalma għidt qabel dan iġib it-tbatija għall-anzjani li jkollhom jużaw dan it-tip ta’ trasport.

    Min-naħa tat-traffiku s’issa semmejna biss dak li jdejjaq ħafna nies oħra. Illum ma ninsewx li l-ħajja nbidlet u għalhekk minkejja li tkun festa f’post, xorta jkollok ħafna nies li jkollom bżonn jgħaddu mil-lokal biex imorru x-xogħol u jagħmlu xi qadja.

    Biss hemm aspett ieħor – dak li jekk irridu li għal festa jiġu aktar nies minn barra l-lokal, hemm bżonn li l-lokal jgħin billi jipprovdu sinjali adekwati ta’ direzzjoni fejn għandu jgħaddi traffiku għal dawn in-nies u anke parking adekwat.

    Il-problema tat-traffiku mhux ġejja biss minħabba li f’ħafna mil-lokalitajiet tagħna t-toroq li jwasslu għal postijiet oħra huma dawk prinċipali iżda minħabba li ċ-ċelebrazzjonijiet isiru biss fiċ-ċentru tal-lokal madwar il-knisja. Dan barra l-problemi tat-traffiku li joħloq, joħloq ukoll problema oħra. L-ewwel hi li l-festa ma tilħaqx sezzjonijiet kbar tal-lokalitajiet. Irridu niftakru li ħafna postijiet kibru u ħafna min-nies ta’ dik il-lokalità illum ma joqogħdux fiċ-ċentru. Għalhekk jekk il-festa tiġi mqassma fuq il-lokal kollu mhux biss aktar nies jistgħu jipparteċipaw fil-festa, iżda tnaqqas il-problema tat-traffiku. Vantaġġ ieħor hu li meta jkollok postijiet ta’ din in-natura, tinħoloq il-pressjoni biex tibda festa oħra – xi ħaġa li llum saret komuni. L-iżvantaġġ hu li l-festa tispiċċa biex tkun festa ta’ parti biss mil-lokal.

    Illum aspett ieħor tal-festi li jdejjaq ħafna nies hu l-istorbju. Ma nemminx li biex inkun ferħan jew biex nuri li jien ferħan irrid nagħmel ħafna storbju biex in-nies jittendu li jien ferħan. Naf li ftit ta’ snin ilu l-gvern kien għamel konsultazzjoni pubblika dwar dan. Baqa’ kollox fuq l-ixkaffa. Nispera li dan il-gvern jara biex ikollna leġislazzjoni xierqa dwar dan. Fuq kollox nispera li dak li jgħaddi mill-Parlament jkun infurzat.

    Hawn niġi ghal volontarjat. Dan nemmen fih għaliex ili naħdem fih għal snin sħaħ. Biss il-volontarjat għandu bżonn żewġ affarijiet – inkoraġġiment u direzzjoni.

    Filwaqt li nemmen li hemm inkoraġġiment f’dan il-qasam, għalkemm aktar ma jkun hemm, aktar aħjar, ftit li xejn nemmen li hemm direzzjoni. Din id-direzzjoni nemmen li għandha tiġi minn tliet sorsi – il-Knisja, il-pulizija u l-politiċi.

    Niġu għal Knisja. Bħal kull organizzazzjoni oħra l-Knisja għandha livelli differenti u mhux l-ewwel darba jkollok livell li ma jarax għajn m’għajn ma livell ieħor minkejja li dan ikollu awtorità aktar minnu. Ikun biss meta l-livelli l-għolja jieħdu l-azzjoni f’idejhom li dan ma tantx jiġri. Meta dan ikun il-każ, dawk il-livelli li ma jaqblux mal-pożizzjoni li tkun ħadet il-Knisja jagħmlu pressjoni interna biex tinbidel il-pożizzjoni. Sa hawn m'hemm xejn ħażin. Iżda meta l-għola livelli ma jieħdux pożizzjoni, kull livell jaħdem għar-rasu bir-riżultat li l-id il-leminija ma tafx x’qed tagħmel l-id ix-xellugija.

    Hekk qed jiġri fis-sitwazzjoni preżenti. Jien ċert li l-awtoritajiet ekleżjastiċi aktar jixtiequ li jerġgħu jaraw ċerta reliġjożità tidħol fil-festi ta’ barra aktar milli jaraw festi ġodda jispuntaw kullimkien jew li jaraw ċerti affarijiet fil-festi tagħna. Biss la ma jieħdux pożizzjoni ċara, il-livelli li huma aktar 'l isfel jaħdmu għar-rashom. Hemm reliġjużi li għalkemm jinkoraġixxu l-festi ta’ barra, jaraw li jkun hemm moderazzjoni f’kollox. Oħrajn mhux daqshekk kawti u xi kultant, speċjalment meta l-festa tkun għada ġdida jew tkun żgħira, ikunu huma li jħeġġu lil dawn il-volontier biex jagħmlu l-eseġarazzjonijiet biex il-festa tal-paroċċa tagħhom tkun wkoll fuq il-mappa tal-festi kbar.

    Il-pulizija wkoll jistgħu jagħtu direzzjoni. Ġeneralment sakemm talba ma tkunx kontestata, dawn jaqbdu u joħorġu l-permess għal kwalunkwe talba. Trid tkun veru xi talba straordinarja biex ma tinlaqax. Bħalma semmejt anki talbiet biex jingħalqu arterji importanti tat-traffiku biex isir in-nar jintlaqgħu. Hemm min jgħid allura n-nies għaliex ma jressqux l-ilementi tagħhom lil pulizija biex dawn ma joħorġux permessi bħal dawn? Ir-raġuni hi sempliċi. Ħafna min-nies laqnas li jkunu jridu li jkollhom x’jaqsmu mal-pulizija u għalhekk ma jagħmlu xejn. Biss hu dmir tal-pulizija li jagħtu każ wkoll għal dawk il-grupp l-oħra.

    Hemm imbagħad it-tielet grupp li jagħti l-protezzjoni tiegħu, minkejja li din tkun indiretta, biex isiru dawn l-esaġerazzjoni. Dawn huma n-nies tal-politika, ġejjin mil-liema partit hu. Ir-raġuni hi li l-festi jagħtu okkażżjoni speċjali biex dawn jidhru u jitkellmu man-nies. Naħseb is-sajf joffri okkażżjonijiet aktar minn kampanja elettorali għal min jaħdem f’dan il-qasam.

    Nemmen li dawn il-gruppi hemm bżonn jaħdmu aktar flimkien biex jagħtu lil festi tagħna direzzjoni li tkun aktar inklużiva, aktar li tikkonsidra l-libertajiet tal-oħrajn, aktar kulturali u iva, bħalma jixitequ xi wħud, aktar reliġjuża.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0