Gruppi b’leħen qawwi

  • Lul 22, 2014 10:36
  • Miktub minn

    Kull soċjetà hi magħmula minn gruppi. Hemm gruppi li huma qawwija u oħrajn li huma dgħajfa. Ġeneralment dawk li huma bbażati fuq l-emozzjoni kapaċi jiġġeneraw il-flus u għalhekk huma qawwija. L-istess dawk il-gruppi li huma bbażati fuq il-flus bħal gruppi ta’ business.

    Żgur li żewġ gruppi kbar li huma bbażati fuq l-emozzjoni u għandhom numru kbir ta’ membri huma l-partiti politiċi. Huma kapaċi jiġġeneraw ammonti kbar ta’ flus u għalhekk huma b’saħħithom. Il-qawwa tal-partiti politiċi mhux ġejja biss mill-flus iżda ġejja wkoll mill-fatt li xi darba dawn jista’ jkollhom il-poter li jmexxu l-gvern tal-pajjiż. L-istess għandek il-Knisja li l-poter tagħha ġej minn għadd ta’ fatturi fosthom il-poter spiritwali, apparti fatturi oħra.

    Tajjeb li ngħidu li dawn il-gruppi huma importanti f’soċjetà demokratika. Ir-raġuni hi li dawn il-gruppi jieħdu ħsieb l-interessi ta’ sezzjonijiet differenti tal-popolazzjoni. B’hekk dawn l-interessi qatt ma jiġu minsija u jitqiesu meta tkun ser tittieħed xi deċiżjoni li tolqot l-interessi tagħhom. Din hi l-funzjoni prinċipali tal-proċess politiku. Is-sistema politika qiegħda hemm biex id-deċiżjonijiet li jittieħdu, jekk jista’ jkun, iħarsu l-interessi ta’ kulħadd. S’intendi dan mhux dejjem ikun possibbli. F’każi bħal dawn jidħol il-prinċipju tal-maġġoranza fejn l-interess ta’ dawn irid jingħata aktar importanza. Biss il-proċess politiku ħafna drabi jipprova li meta sezzjoni tingidem minhabba xi deċiżjoni, jipprova jagħtiha xi kumpens biex inaqqas id-daqqa u b’hekk kulħadd iħossu parti mis-soċjetà.

    Il-gruppi tal-business huma gruppi li ilhom ħafna jeżistu u sew minħabba li l-attività ekonomika li huma jippromwovu u sew minħabba r-riżorsi li għandhom huma organizzati ħafna u għalhekk qawwija f’kull soċjetà. Mhux l-ewwel darba li ssib li dawn il-gruppi għandhom organizzazzjoni permanenti li tkun immexxija min-numru ta’ nies impjegati full-time. Peress li jkun hemm il-flus, is-salarji li joffru jkunu tajba u ghalhekk jattiraw nies effiċjenti.

    Il-flus ma jiefqux hawn għaliex dawn in-nies ma jsibuhiex diffiċli biex iqabbdu nies li jagħmlulhom rapport kull meta jħossu l-ħtieġa jew kull meta jkun hemm xi konsultazzjoni pubblika mill-gvern dwar xi kwistjoni li l-gvern ikun irid jiddeċiedi dwarha. B’hekk dawn il-gruppi lanqas jekk ma jkunux kapaċi joħolqu argumenti huma, dejjem se jkollhom argumenti għaliex dawn jiżvilupphom ħaddieħor. B’hekk dawn il-gruppi dejjem għandhom xi ħaġa xi jgħidu. Din toħloq awra ta’ professjonalità u l-preżenza tagħhom f’kull kwistjoni f’pożizzjoni ta’ influwenza speċjali. Fil-fatt iqisu ruħhom bħala ‘constituted bodies’ bir-riżultat li jiġu kkonsultati fuq kull materja li tista’ b’xi mod tolqot lilhom.

    Irridu nqisu wkoll li s-saħħa tal-flus tagħtihom influwenza fuq l-investiment li jsir f’pajjiż u l-ebda gvern mhu lest li jiksirha ma’ dawn u jnaqqas l-investiment. Fost dawn il-gruppi bbażati fuq il-flus dawk li jiffanzjaw l-investiment jerġa’ jkollhom aktar importanza. Fost dawn insibu l-banek – il-kbar fosthom għandhom poteri li ftit jitwemmnu. Jekk nieħdu l-kriżi finanzjarja li d-dinja għaddiet minnha u li kienu l-investituri żgħar u taxpayers li ħallsu għaliha, insibu li filwaqt li kienet in-nuqqas ta’ prudenza li daħħlithom biex jissugraw il-flus ta’ ħaddieħor, il-banek xorta għadhom influwenti. Fuq kollox il-bankiera li ġabu din il-kriżi mhux talli ma batew xejn iżda komplew ixaħħmu bwiethom u saru aktar influwenti.

    L-influwenza ta’ dawn il-gruppi mhux biss ġejja mill-poter li għandhom biex jinfluwenzaw l-ekonomija iżda wkoll biex jagħmlu l-lobbying. Il-lobbying ta’ dawn il-gruppi jwassal għal barra l-pajjiż speċjalment fi Brussell fejn il-gruppi ta’ ċerti industriji u anki gruppi li jirrappreżentaw il-business ilaħħqu f’eluf ta’ persuni.

    Il-lobbying jista’ jkun żbilanċjat. Ikun żbilanċjat jekk sezzjoni jew grupp ikollu ħafna nies jillobiljaw favur tiegħu mhux għax jemmnu f’xi prinċipju iżda għax imħallsa. Il-flus, għalkemm ma jidhrux, hawn huma importanti ħafna anke fuq livell Ewropew. Mhux l-ewwel darba qrajna artikli speċjalment dwar Kummissarji Ewropej li kif jispiċċaw mill-kariga ta’ Kummissarji Ewropej isibu ruħhom f’bordijiet ta’ kumpaniji fl-istess settur li fih kienu jaħdmu meta kienu Kummissarji.

    Il-lobbying jista’ wkoll ikun żbilanċjat jekk, minħabba nuqqas ta’ riżorsi, gruppi oħra li għandhom interess f’xi kwistjoni ma jsemmgħux leħinhom. Minħabba li l-gruppi tal-business jifilħu li jimpjegaw nies full-time, huma dejjem ikunu preżenti għal kull laqgħa sabiex isemmgħu leħinhom. Il-gruppi l-oħra, li m’għandhomx riżorsi, mhux dejjem ikunu preżenti u għalhekk leħinhom u l-interessi tagħhom, ħafna drabi, ikunu nieqsa u għalhekk ma jitqiesux. Dan iġib defiċit fid-demokrazija fis-sens li tkun biss l-opinjoni tal-grupp li għandu l-flus li tiġi meqjusa meta tkun ser tittieħed id-deċiżjoni.

    Tajjeb li nsemmgħu li l-flus iġibu aktar flus. Mhux biss dawn għandhom il-flus, iżda l-ammonti ta’ flus li jingħataw mill-gvern biex joperaw l-għaqdiet tagħhom huma eluf kbar ta’ euros. Min-naħa l-oħra l-għaqdiet l-oħra, bħall-għaqdiet tal-konsumaturi, ma jieħdu prattikament xejn. Dan ikompli jxaqleb il-miżien favur is-settur tal-business.

    Fattur importanti għaliex dawn il-gruppi ekonomiċi jingħataw daqshekk importanza hu l-fatt li hafna mill-flus li jirċievu l-partiti politiċi ġejjin minn dawn il-gruppi. Filwaqt li f’pajjiżi oħra, issib li ġeneralment ikunu dawn l-għaqdiet tal-business li jiffinanzjaw il-partiti, f’Malta, minħabba n-natura tal-business, ikunu l-businessman u mhux il-business jew l-għaqdiet tiegħu li jiffinanzjaw ħafna mill-kampanji elettorali. Dan jgħodd ukoll għal business iż-żgħir li ħafna drabi jerfa’ parti mill-piż tal-kampanja elettorali ta’ kandidat permezz ta’ għotjiet ta’ prodotti jew servizzi li jingħataw “b’xejn”.

    “B’xejn”, il-kelma ġġib hekk. Għaliex dawn jitħallsu wara l-elezzjoni permezz ta’ favuri. Il-kuntratti huma parti żgħira minn dan il-‘kick-back’. Hemm affarijiet oħra li ma jidhrux. Fost dawn insibu l-applikazzjoni jew aħjar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġijiet jew il-kontenut tal-liġijiet li jkunu jiffavorixxu lil dan is-settur.

    Nemmen li hu tajjeb ikun hemm policy pożittiva u attiva favur il-business, sakemm dan ma jsirx a skapitu ta’ settur ieħor. Qed ngħid hekk għaliex hemm okkażjonijiet fejn, per eżempju, l-interessi tal-konsumaturi jbatu. Insemmi żewġ eżempji ta’ dan.

    Kulħadd jiftakar dak li ġara sena ilu meta għalqet il-Fantasy Tours u l-konsumaturi baqgħu lampa stampa minkejja li suppost hemm awtoritajiet li jħarsu l-interessi tal-konsumaturi. Dan ġara għaliex liġi li tipproteġi lill-konsumaturi, fis-sens li tiggarantixxi kumpens meta jiġri dak li ġara, għalkemm għaddiet mill-Parlament madwar 14-il sena ilu, sal-lum għadha ma ġietx fis-seħħ. Dan żgur ma ġarax b’kumbinazzjoni jew bi żvista. Iżda għaliex l-Aworità tat-Turiżmu hi biss interessata li tħares l-interessi qawwija tal-operaturi tat-turiżmu f’Malta u abbandunat l-interessi tal-konsumaturi Maltin.

    L-istess ġara mill-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumaturi dwar il-unit pricing. Wara li l-Għaqda tal-Konsumaturi kienet għamlet pressjoni qawwija biex jidħol il-unit pricing f’Malta, minkejja li suppost ilu li daħal ħafna snin ilu, b’regolament, din l-Awtorità li l-konsumaturi qed iħallsu għaliha miljuni ta’ ewro fis-sena biex tħares l-interessi tagħhom, ċaħdet lill-konsumaturi ta’ 40% tal-lokalitajiet f’Malta milli jkollhom il-unit pricing bħall-konsumaturi Ewropej oħra u kif titlob il-liġi. Issa l-MCCAA se jkollhom jibdlu dan ir-regolament, mhux għaliex bdew iħarsu l-interessi tal-konsumaturi Maltin, iżda għaliex qed jiġu mġiegħla mill-Unjoni Ewropea biex japplikaw id-Direttiva sew u japplikaw id-drittijiet li l-konsumaturi għandhom.

    Dan hu d-defiċit demokratiku li jirriżulta meta grupp fis-soċjetà jassumi saħħa sproporzjonata minħabba interessi oħra ma jkunux rappreżentati sew. Hu għalhekk li naqbel mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti li qed iressaq il-gvern. Filwaqt li ma nemminx li din ser issolvi dan id-defiċit darba għal dejjem, iżda nemmen li dan hu pass li żgur iġib aktar trasparenza ta’ kif interessi finanzjarji jistgħu jinfluwenzaw id il-gvern a favur tagħhom u a skapitu ta’ ħaddieħor.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0