Festi – sbieħ iżda skomdi (i),

  • Lul 07, 2014 11:37
  • Miktub minn

    Kuluri, statwi, suffarelli, għajjat, mużika, dħaħen, qniepen, purċissjonijiet u murtali. Barra dawn żgur li ma jonqosx l-ikel ta’ kull xorta u xorb kwalunkwe. Dawn huma l-affarijiet li aktar ser naraw minnhom għaliex l-istaġun tal-festi beda. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar il-festi jikbru u rari ssib lil xi festa li tiċkien għaliex il-pika hemm qiegħda u ħadd ma jrid ikun anqas minn ħaddieħor.

    Għal xi żmien il-festi kienu bdew jonqsu iżda l-ewwel ir-radju u wara t-televixin taw lill-festi spinta li qatt ma raw bħalha. Kif xi raħal jivvinta xi ħaġa tara l-irħula u l-bliet l-oħra jippruvaw jagħmlu aħjar minnha. Tant kibru l-attivitajiet tal-festi ta’ barra li llum rari ssib lil xi post li jiċċelebra l-festa tar-raħal tiegħu fuq ġurnata jew tnejn. Din hi xi ħaġa tajba sakemm din tinvolvi aktar attivitajiet kulturali u tiġi mqassma fuq ir-raħal jew belt kollha.

    Il-festi għandhom is-sabiħ tagħhom u qed jagħtu żvog lil ħafna nies fosthom żgħażagħ biex joħolqu xi ħaġa għall-festa tagħhom.

    Il-problema tal-lum hi l-esaġerazzjoni u l-iskomdu li qed joħolqu lin-nies fosthom tar-raħal jew belt tagħhom stess. Minħabba dan, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tikber ukoll dik is-sezzjoni tal-popolazzjoni li jieħdu qatgħa meta dan l-istaġun jibda.

    Jien wieħed minnhom. Għal xi żmien kien il-gost tiegħi li kull tmiem il-ġimgħa mmur nara xi ċelebrazzjoni f’xi raħal. Illum nieħu qatgħa u aktar ma tersaq il-festa ta’ fejn noqgħod, nara x’nivvinta biex inkun aktar 'il bogħod.

    Nemmen li wasal iż-żmien li, għalkemm ninkoraġġixxu dawn l-attivitajiet, insibu aktar bilanċ bejn in-nies. Nemmen li dan jista’ jsir billi l-awtoritajiet jaraw li jinfurzaw il-liġijiet u anke flimkien ma’ awtoritajiet oħra naraw kif norganizzawhom b’mod li jibqgħu attraenti mingħajr ma jdejqu jew joħolqu periklu lin-nies.

    Illum irridu nirrealizzaw li l-bliet u l-irħula tagħna kważi kollha jmissu ma’ xulxin. Għalhekk ħafna drabi biex tmur post trid tgħaddi minn ġo millanqas post ieħor. Dan għaliex it-toroq ftit li xejn ġew iddisinjati li jgħaddu madwar l-irħula jew bliet tagħna. Għalhekk kull meta jkun hemm festa mhux biss tingħalaq it-triq prinċipali ta’ post iżda arterja prinċipali tat-traffiku.

    Hemm min jgħid li l-pulizija jidderiġu t-traffiku għall-post ieħor. Kulħadd jaf li dan ikun sforz fjakk u bla ħsieb. Ir-raġuni hi li l-ewwel iħallu lis-sewwieqa jaslu sal-barrikati biex jgħidulhom li ma tistax tkompli t-triq. Ġeneralment jidderiġuk għal toroq sekondarji. Dan tajjeb?

    Żgur li le, għaliex ħafna sewwieqa ma jkunux familjari ma’ dawn it-toroq. Jien nemmen li l-pulizija m’għandhomx jagħtu permess biex dawn it-toroq jingħalqu. Biss jekk għandhom jagħtu, għandhom jagħtu għal ħin qasir ħafna – sempliċiment biex l-attività bħal marċ jew purċissjoni jaqsmu t-triq prinċipali biex imorru għal sezzjoni oħra tar-raħal. Bosta drabi m’hemmx bżonn li tingħalaq it-triq. Nieħdu per eċempju, il-festa tal-Fgura. Mela l-knisja għandha żewġ bibien, wieħed jagħti għat-triq prinċipali u l-ieħor jagħti għall-pjazza. Mhux talli jintuża l-bieb li jagħti għat-triq prinċipali, iżda hemm tendenza li jingħalqu ż-żewġ toroq prinċipali li jwasslu għal Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra u Wied il-Għajn.

    Barra minhekk il-pulizija għandhom id-dmir li javzaw lis-sewwieqa sew minn qabel. Is-sewwieqa għandhom ikunu avżati mill-inqas fir-roundabout ta’ Lourdes għaliex minn hemm ikunu jistgħu jgħaddu minn postijiet oħra. Allura jekk tiġi applikata s-soluzzjoni li semmejt, xorta m’għandhomx jingħalqu t-toroq prinċipali? Nemmen li iva xorta dawn it-toroq għandhom jibqgħu miftuħa - Minħabba t-trasport pubbliku. Illum irridu niftakru li l-aktar nies li jużaw it-trasport pubbliku huma l-anzjani u devjazzjonijiet ifissru tbatija żejda.

    Jekk it-trasport pubbliku jwaqqaf anzjan fit-tarf tar-raħal, jekk ikun joqgħod fil-qalba tar-raħal, biex jimxi dak it-tul f’xemx taqli bajda. Din hi tbatija żejda għal dawk l-aktar li għandhom bżonn.

    Dan hu biss punt wieħed. Darb’ohra nikteb dwar affarijiet oħra.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Lul 10, 2014

    Naqbel hafna mieghek Sur Borg Bonello. Veru li l-festi huma benniena ghall-attivitajiet kultura

    Irrispondi