Kontroversja kerha

  • Set 05, 2012 18:02
  • Miktub minn

    Il-kontroversja li nqalgħet bejn l-eks-kap tad-dipartiment tal-onkoloġija u l-Ministru tas-Saħħa u d-dipartiment tiegħu hi kerha. Kemm għal dak li ntqal miż-żewġ naħat, u kemm għal x’ġie żvelat dwar it-tmexxija tal-gvern. Kwistjonijiet dwar kif jiġi trattat il-mard kollu għandhom jitqiesu bi prudenza, mhux l-anqas il-kanċer.

    Il-kontroversja reġgħet uriet kif fl-amministrazzjoni pubblika la hemm ippjanar serju, la trasparenza u lanqas “accountability”. Għalhekk, meta l-affarijiet imorru żmerċ jew jitgħawġu, ħadd mhu responsabbli. Is-sistema politika u amministrativa tagħna ilha taħdem. Allura tistenna li l-metodi kif jittieħdu d-deċiżjonijiet huma stabbiliti sew, b’dawk kollha involuti – politiċi, esperti u amministraturi – jafu għal xiex inhuma responsabbli. U meta xi ħadd jeċċedi l-kompetenza tiegħu, il-biċċa tkun reġistrata ħalli r-responsabbiltajiet personali jintrefgħu.

    Mentri mhux hekk: kif rajna wkoll fil-ħatra ta’ konsulenti fl-isptar jew fil-għoti tat-tender għall-“power station”. Fil-mod kif jittieħdu deċiżjonijiet dwar affarijiet li ilhom minn żemżem magħna, jitħallew spazji fejn idejn moħbija – mhux bilfors ta’ politiċi – jistgħu jibdlu l-logħba. Ħafna jippreferuha dil-ħaġa. Kif naf mill-esperjenza, meta tipprova ddaħħal it-trasparenza, jqumu l-irwiefen kollha.

    Portugall

    Qed tikber il-probabiltà li l-Portugall ma jilħaqx il-miri mpoġġija għall-pjan ta’ għajnuna finanzjarja li ffirma maż-żona ewro. Il-Portugall mhux bħall-Greċja: wettaq il-miżuri kollha ta’ awsterità li riedu minnu. Bihom, l-ekonomija għotrot. Id-dħul tal-gvern mit-taxxi kompla jonqos. Il-ħofra finanzjarja tiegħu se tkun ħafna akbar milli ppjanat. Ħaġa bħal din kienet prevedibbli.

    Għargħar

    Nhar it-Tnejn waranofsinhar. It-triq miċ-Ċirkewwa sal-Mosta u B’Kara. Xita tlanġas bla waqfien. Fi Triq il-Konstituzzjoni l-Mosta ftit qabel il-knisja kurrent kbir qed jinġema’ għal ġo Triq il-Kungress Ewkaristiku. Kurrenti oħra neżlin b’saħħa mit-toroq tal-ġnub. Talanqas Triq Ponsonby toffri passaġġ. Ix-xita nieżla fi bramel.

    Triq Valletta ftit wara l-Mosta Technopark: xmara wiesgħa tħarrek lejn B’Kara, b’ħafna karozzi wieqfa. Dawra lura mill-kurrenti jagħqdu lejn it-telgħa li twassal sa Ħ’Attard. Xmara oħra nieżla mal-wisgħa tat-triq. Trid issuq kontra tagħha. Fil-quċċata, il-qagħda titjieb san-niżla lejn l-iskola ta’ Ħ’Attard. Minn hemm sas-salib it-toroq għal Ħaż-Żebbuġ karozzi wieqfa b’ilmijiiet fondi jtellqu bla nifs. Meta taqsamhom: it-triq tal-akwedotti u B’Kara fil-għoli mhumiex ta’ barraminnhawn. Min-naħa ta’ fuq ta’ Triq Mannarino, il-bidu tal-wied sal-Imsida jidher mifqugħ b’ilmijiet fondi jbaqbqu b’abjad kaffelatte.

    Ħajr lill-karozza li żammet il-kolp.

    Kurżitajiet: fil-Mosta trakk taż-żibel għaddej minn nofs kurrent qawwi bl-irġiel ta’ fuqu jiġbru l-boroż suwed li l-ilmijiet għadhom ma ġarrewx; f’B’Kara, karozza ta’ skola li tgħallem is-sewqan issuq bit-tlikki: il-lezzjoni tas-sewqan baqgħet għaddejja.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0