Impatt aktar qawwi

  • Ġun 26, 2014 11:38
  • Miktub minn

    Ġeneralment meta nitkellmu fuq il-qasam tal-konsumaturi moħħna jmur biss fuq id-drittijiet li għandhom il-konsumaturi. Dawn ġeneralment jiffukaw fuq id-drittijiet meta l-affarijiet imorru ħażin. Hemm tendenza li ninsew affarijiet oħra li jolqtu l-konsumaturi b’impatt aktar qawwi minkejja li ma jiffukawx biss fuq il-konsumaturi.

    Fost dawn insibu l-kompetizzjoni li għandha impatt qawwi dirett fuq il-konsumaturi. Din għandha rabta qawwija fuq il-prezzijiet u għalhekk l-inflazzjoni. Biss l-inflazzjoni f’Malta, minħabba ċ-ċokon tal-ekonomija tagħna, hi wkoll ħafna marbuta ma’ ‘government induced costs’ għaliex il-Gvern dejjem ser jibqa’ fattur importanti f’Malta.

    Tul din l-aħħar sena, il-Gvern ħa passi li se jkollhom impatt qawwi fuq il-konsumaturi speċjalment fuq l-ammont ta’ flus li dawn se jhallu f’bwiethom. Dan it-tibdil kien fil-qasam tal-enerġija.

    Dan hu qasam jaħraq ħafna sew f’Malta u sew fl-Unjoni Ewropea. Il-politika tal-Gvern Nazzjonalista kienet simili ħafna tal-politika tal-Unjoni Ewropea. Għadni niftakar lil Gunther Oettinger, Kummissarju responsabbli mill-Enerġija fl-Unjoni Ewropea jgħid mingħajr tlaqliq li l-Ewropa hemm bżonn tikkontrolla l-użu tal-enerġija permezz ta’ prezzijiet għoljin. Id-diskors tiegħu kien kważi jinkoraġġixxi l-gvernijiet sabiex jgħollu aktar it-taxxi f’dan il-qasam biex jiggarantixxi li l-prezzijiet jibqgħu għoljin.

    Ir-riaultat ta’ dan kien li kellek kumpaniji li ma baqgħux vijabli u b’hekk żdiedu l-qagħad u kiber il-faqar f’dan is-settur. Ħarsa lejn l-istatistika li tqabbel dak li jkun qed jiġri fil-pajjiżi tal-EU f’dan il-qasam issib li l-prezzijiet u sew il-faqar f’dan is-settur żdied b’mod li konna fil-quċċata. Il-faqar f’dan is-settur hu ikkalkolat fuq kemm għandek nies li ma jistgħux isaħħnu djarhom fix-xitwa. Skont l-istatistika, Malta hi fost dawk l-aktar li ntlaqtu f’dan is-settur. Jien ċert li kieku kellna nieħdu wkoll kemm hemm nies li għandhom air conditioner u ma jaffordjawx li jużawh, dan il-persentaġġ jikber sew.

    X’kienu l-miżuri li ħa l-Gvern? L-ewwel miżura hi li se jkun hemm tnaqqis fit-tariffi tad-dawl u l-ilma. Dan żgur li ser iħalli flus fil-bwiet tan-nies peress li l-ammont ta’ flus li kienu qed jonfqu n-nies fuq l-enerġija kien jagħmel parti importanti min-nefqa tan-nies. Dawn il-flus żgur jistgħu jintużaw għal affarijiet oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-konsumaturi. Mhux bilfors li dawn il-flus imorru kollha għall-konsum għaliex żgur li ser ikun hemm nies li issa ser iħossuhom aktar komdi biex per eżempju, jinvestu sew biex jiffrankaw l-enerġija u sew biex jipproduċu enerġija huma stess. Hemm oħrajn li jkunu jistgħu jinvestu f’aktar edukazzjoni sew għalihom u sew għal uliedhom. Hemm mitt elf ħaġa oħra li jistgħu jintużaw biex itejbu l-kwalità tal-ħajja sew fl-immedjat u sew fiż-żmien aktar fit-tul.

    Issa suppost li s-sena d-dieħla dan ir-roħs jitwessa’ u jibda jinkludi lin-negozji. Hawn żgur li ċ-ċaqliq fl-ekonomija jkun akbar għaliex l-effett għandu jinfirex fuq aktar setturi. Jekk nieħdu eżempju, illum is-settur tal-manifattura tal-ikel hu wieħed imdaqqas. Kif il-prezzijiet tal-enerġija jonqsu, żgur li l-prezzijiet ta’ ħafna oġġetti jkunu jistgħu jorħsu wkoll. Jekk dan isir, il-konsumaturi jgawdu fuq firxa akbar ta’ roħs.

    Waħda mir-raġunijiet li kienet tissemma għaliex il-prezzijiet tal-enerġija għoljin għandhom jiġu inkoraġġiti, hu l-ħela tal-enerġija. Allura dan ifisser li meta jorħsu l-prezzijiet in-nies se jkunu inkoraġġiti biex jaħlu l-enerġija? Kif ġiet irranġata s-sistema ta’ roħs m'hemm l-ebda inkoraġġiment għal dan. Dan għaliex jekk il-konsum tiegħek fl-enerġija se jiżdied, ir-roħs se jonqos u l-prezzijiet se jibqgħu għoljin. Min-naha l-oħra dawk li jikkunsmaw il-medja ser igawdu u dawk li ser jikkunsmaw anqas mill-medja, ir-roħs ikun akbar.

    Iżda l-Gvern ma wasalx biss s’hawn. Il-Gvern irnexxielu li jistabilixxi l-prezzijiet ta’ prodotti oħra tal-enerġija. Fost dawn insibu l-petrol u d-diesel. Tal-aħħar hu dak li jintuża l-aktar mill-industrija u għalhekk hu dak li jista’ jwassal għal aktar stabilità ta’ prezzijiet u xi kultant ukoll roħs.

    Biss l-akbar impatt kien dak psikoliġiku. Qabel il-Gvern kien daħħal l-idea li fl-ekonomija moderna l-Gvern ma jista’ jagħmel xejn f’dan il-qasam ħlief li jekk is-servizzi jogħlew, dan jgħaddi dawn iż-żidiet fuq il-konsumaturi. Din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex l-iffukar kien fuq liġijiet li jagħtu dritt lill-konsumaturi meta l-affarijiet imorru ħażin. F’sitwazzjoni bħal din, jekk il-konsumaturi ma jkollhomx lil xi ħadd li jara li l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu favurihom, l-unika triq li jkollhom hu li jkollhom xi drittijiet.

    Issa bdejna naraw li l-Gvern jagħraf li hu forza li jista’ jinfluwenza kif l-affarijiet imorru u b’hekk il-konsumaturi jieħdu benefiċċji mingħajr ma jsibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn l-unika ċans li jkollhom hu li jirrikorru għal xi tribunal biex forsi jieħdu ‘a fair deal’.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0