ENERĠIJA

  • Mej 05, 2014 14:37
  • Miktub minn

    Sibtha pjuttost pwerili r-reazzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista għat-tħabbira tal-gvern dwar il-prezzijiet il-ġodda tal-gass, petrol u diesel. Jidhirli li l-messaġġ fondamentali tal-gvern ma kienx li dawn il-prodotti traħħsu jew b’kemm traħħsu. Aktar kellu x’jaqsam mal-fatt li kien qed jistabilizza bil-quddiem il-prezzijiet tal-enerġija fuq tendenzi ta’ prezz li se jonqos mhux jiżdied. Aktar minn hekk, il-gvern reġa’ kkonferma l-impenn ewlieni li jżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija.

    Irridu nqisu dan l-impenn mhux biss f’kuntest Malti. Hawn, għal snin twal kellna gvern li rrifjuta li jieħu passi serji biex iżomm il-prezzijiet stabbli. Ma kienx jitmeżmeż milli ta’ kull waqt jgħolli l-prezz tal-enerġija lill-konsumatur u lill-impriżi, bl-iskuża li internazzjonalment il-prezz taż-żjut tiela’.

    F’qafas internazzjonali, qed naraw terġa’ tiżdied l-inċertezza dwar x’se jiġri mill-prezz tal-enerġija. Il-kriżi fl-Ukrajna qed tkompli tħawwad il-borma. L-impenn tal-gvern biex jassigura kemm jista’ prezzijiet stabbli f’dal-qasam għalhekk iservi ta’ wens kbir lill-produtturi u lill-familji.

    ***

    Pawlu Xuereb

    Fl-aħħar ġimgħat, b’sens ta’ qima, poġġejt ward quddiem il-monumenti ta’ Agata Barbara u ta’ Anton Buttigieg, Presidenti ta’ Malta. Kien xieraq li flimkien ma’ sħabi mir-Rabat, nagħmel l-istess quddiem il-monument ta’ Pawlu Xuereb fil-ġnien sabiħ li hemm faċċata tal-Imdina.

    Lil Pawlu Xuereb kont nafu tajjeb. Ġieli ħdimna flimkien. Kien raġel rett u kalm, interessat biss li jagħmel dak li hu sewwa. Kien Aġent President f’mument delikat, meta fl-1987 kien se jkollna bidla fil-gvern, ħames snin wara r-riżultat pervers tal-elezzjoni tal-1981. Għamel li kellu jagħmel b’dinjità u b’sens ta’ responsabbiltà lejn l-istat.

    Xhur wara l-elezzjoni tal-1987, fissirli b’mod konfidenzjali l-problemi li kellu jaffaċċja fil-qadi ta’ dmirjietu. Il-gvern ta’ dak iż-żmien ma osservax tassew ir-regoli li bihom gvern mistenni li jimxi mal-Kap tal-Istat.

    Hu baqa’ sal-aħħar josserva l-istess regoli bi prudenza u reqqa kbira. Għas-servizz li ta lir-Repubblika, ħaqqu kull ġieħ.

    ***

    Kotba

    Il-Fiera tal-Kotba organizzata fl-Università l-ġimgħa li għaddiet kienet inizjattiva tajba ħafna. Tajjeb ukoll li ngħatat l-appoġġ li ngħatat.

    Jidher li ma kisbitx is-suċċess mixtieq. Esibituri qaluli meta żortha li sabu anqas interess fiha fost l-istudenti milli stennew. Meta kont hemm iltqajt ma’ żewġ studenti li kienu qed ifittxu l-verzjoni oriġinali bil-Malti ta’ rumanz li ktibt xi żmien ilu (m’għadux jinstab),; u żewġ żgħażagħ oħra li fittxew “textbooks” li jistgħu jużaw fil-kors li qed isegwu.

    Dan ma jagħtix xhieda li l-qari naqas; aktar li naqas il-qari mill-kotba. (Jekk hu hekk, il-qagħda mhix waħda diżastruża. Imma ... xorta dnub.),

    (alfredsant.org),

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1