PENSJONIJIET

  • Mar 26, 2014 15:56
  • Miktub minn

    Jinħassu żewġ tipi ta’ ansjetà dwar il-pensjonijiet f’Malta daqskemm fil-bqija tal-Ewropa. L-ewwel li fil-livell attwali tagħhom, il-pensjonijiet mhumiex ikopru l-bżonnijiet ta’ anzjani rtirati. Mhumiex ilaħħqu diġà mal-ispejjeż tal-ħajja u x’aktarx li se jkomplu jlaħħqu anqas fis-snin li ġejjin, jekk jiżdiedu l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa.

    It-tieni ansjetà tinsilet mill-biża’ li għad jasal żmien meta l-pensjonijiet se jkollhom jitnaqqsu. Tista’ tqis dan bħala biża’ irrazzjonali. Imma ħafna għadhom ixxokkjati b’li ġara f’pajjiżi oħra taż-żona ewro, bħall-Greċja u l-Portugall. Jibżgħu li għad jista’ jiġri f’pajjiżhom ukoll.

    Se jkun diffiċli li tilqa’ għal din l-ansjetà doppja. F’pajjiżna, l-aqwa tweġiba tkun li nżidu r-rata tal-investiment. B’hekk, f’perspettiva tat-tul, titkabbar il-ħila tas-soċjetà tagħna biex toħloq aktar ġid li minnu mbagħad ikunu jistgħu jiġu finanzjati l-pensjonijiet.

    Facebook

    Minn mindu bdejt nuża Facebook b’regolarità, sirt niltaqa’ ma’ nies li jgħiduli: allura kif mort... jew x’ġara sew... meta żort hemm...?

    Għall-bidu niskanta. Nistaqsi: imma kif taf li...? Għax għall-okkażjoni li ssir mistoqsija dwarha, ma jkun resaq l-ebda ġurnalist. Imbagħad niftakar li l-biċċa ddaħħlet fil-Facebook, tiegħi jew ta’ ħaddieħor.

    Il-midja hekk imsejħa soċjali qed ikollhom penetrazzjoni qawwija fost saffi differenti tal-poplu. U qiegħda tiżdied.

    Hemm min jarahom bħala mezz biex tiżgura li dak li joħroġ fil-pubbliku dwar l-attivitajiet tiegħek ma jispiċċax ikkontrollat mill-midja tradizzjonali.

    Nissuspetta madankollu li Facebook irid jintuża b’miri ħafna usa’ minn hekk, jekk se jissarraf il-potenzjal kollu tiegħu bħala għodda ta’ komunikazzjoni.

    Regatta

    Matul iż-żjara li għamilt il-Ħadd li għadda fil-binjiet tal-Kottonera minn fejn it-tims tat-Tlett Ibliet u tal-Kalkara jħejju għar-regatta, tgħallimt ħafna affarijiet dwar dawn it-tlielaq tal-baħar. Dwar it-taħriġ li trid tagħmel biex tkun qaddief abbli f’ġirja li mhijiex tat-tul imma trid titwettaq b’saħħa fi ftit taż-żmien (“sprint”),. Dwar id-dgħajjes li jintużaw u kif jinbnew. Dwar kif jissawwar tim tal-qdif, kif jasal għall-aqwa tiegħu u mbagħad kif jiddgħajjef.

    L-entużjażmu fost qaddiefa u organizzaturi hemm għadu. Imma ltqajt ukoll ma’ biża’ u dwejjaq għal kif forsi dan id-delizzju, bħal oħrajn, qed jingħasar wisq fil-manglu tal-ħtiġiet moderni. Qed jonqos il-ħin li l-atleti tal-qdif jistgħu jagħtu lill-attività. Qed ikun hemm aktar xkiel fl-użu li jista’ jsir mill-ispazji tal-portijiet. Qed jgħibu n-nies li kienu mgħallma fis-snajja' ta’ kif tibni, titħarreġ u taqdef għar-regatti.

    Ma’ mgħallem li ltqajna miegħu ddiskutejt proposta tiegħu biex jgħaddi lil żgħażagħ interessati s-sengħa tal-bini tad-dgħajjes. Deherli li l-proposta hi ta’ siwi; dnub li ma tantx ingħatat widen.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 4

  •  
    anonimu
    Mar 27, 2014

    Dnub li s-sengha tal-bini tal-opri tal-bahar qed tmajna, meta ahna pajjiz mdawwar bil-bahar u dawn l-industriji zghar hemm bzonn li narawhom jiffjorixxu flok jinqerdu. EVARIST PLEASE TAKE NOTE.

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Mar 28, 2014

    Pajjizna qed jitlef hafna fejn jidhlu hiliet teknici fejn jidhol il-qasam marittimu. Hemm bzonn li dan il-qasam jinghata gharrfien biex aktar zghazagh jikkunsidraw jaghzlu li jitghallmu hiliet relatati ma' dan il-qasam.

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Mar 28, 2014

    Jekk il-paga minima nazzjonali hija meqjusa bhala l-inqas paga biex bniedem jghaddi, kif hawn pensjonijiet li huma inqas meta l-pensjonanti jkollhom iktar spejjez ta' medicini ghax iktar ma tikber iktar jinqalghalek?

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Mar 28, 2014

    Theddida g

    Irrispondi