Ramel għal kulħadd

  • Aww 20, 2012 18:41
  • Miktub minn

    Il-bajjiet tagħna qed isiru aktar skarsi minn sajf għal sajf. Spikkaw dis-sena nies li jmorru jakkapparrawhom bil-kampijiet u bil-karavani. F’inħawi oħra għalkemm ma tantx issemmew kellna negozji, legali jew le, li akkapparaw ir-ramel u mlew kull pulzier kwadru bl-umbrelel u s-siġġijiet għall-kiri, inkella ma ssibx post fuq ir-ramel. Minħabba l-abbużi li jitwettqu b’mod mifrux u spiss bla kontroll, familji jispiċċaw imċaħħda minn passatemp tas-sajf li kienu jgawdu bla ħlas jew dwejjaq. U kellna wkoll il-fkieren li tħajru għar-ramel Malti: talanqas sabulhom post xieraq fejn ifaqqsu.

    Ma narax li din il-problema se tiħfief fis-snin li ġejjin. L-illegalitajiet huma drawwa fil-ħajja tal-poplu tagħna. L-agħar meta jsiru għall-finijiet ta’ qligħ, b’abbuż ta’ permessi maħruġa u bi prepotenza liema bħalha. Fl-aħħar mill-aħħar l-aktar li għandhom dritt jakkapparraw ir-ramel illegalment huma l-fkieren li kienu qed jagħmlu din il-ħaġa sa minn qabel żmien Omeru, meta f’Malta ma kienx għad hawn kamp wieħed.

    Pussy Riot

    Minn dejjem ammirajt u segwejt il-ħajja u l-kultura tar-Russja. Għalhekk, it-trattament li ngħataw il-membri tal-grupp Pussy Riot dejjaqni bil-kbir. Hu kundannabbli għall-aħħar. Forsi wieħed jista’ jqis il-ġest tagħhom bħala “eżaġerat”. Imma li t-tliet nisa jintbagħtu għal sentejn ta’ ħabs b’xogħol iebes hi kundanna diżgustanti. Hu ċar li Pussy Riot riedu jagħmlu ġest politiku. L-akkuża kontrihom tkebbet fl-iskuża li regħxu bil-kbir it-twemmin reliġjuż tal-poplu: dan f’pajjiż li għal deċennji sħaħ kien uffiċjalment u attivament ateu. Ma nifhimx kif il-Knisja Orotodossa Russa, tradizzjonali kemm hi tradizzjonali, tħalli lil min jużaha b’dan il-mod. Dnub li inċidenti hekk isaħħu lil dawk li jridu jibqgħu jċaħħdu lir-Russja mis-sehem sħiħ li jixiriqlha tingħata fl-ispazju Ewropew.

    Lancelot tal-Għadira

    Għal xi ħames mitt sena, matul il-“Medju Evu”, ħafna poeżiji twal u rumanzi ssenslu dwar il-mit tas-sultan Arturu u l-kavalieri tiegħu. Wieħed mill-itwal rumanzi nkiteb minn awtur mhux magħruf fis-seklu 13 bil-kavalier Lancelot bħala l-protagonist. Hu mnebbaħ minn rumanzi iqsar miktuba xi żewġ sekli qabel fost oħrajn minn Chretien de Troyes, li dwaru wkoll ftit nafu ħlief ismu. Għadni kemm spiċċajt “Lancelot du Lac”, l-ewwel ktieb ta’ dan ir-rumanz. Fih sbuħijiet li ma kontx nistenna, b’xeni ta’ psikoloġija delikata u intriċċi kurjużi, mhux biss battalji bix-xwabel u l-lanez. Għalkemm Lancelot għadu fil-bidu tal-karriera, diġà jinsab affaxxinat mill-mara tas-sultan Arturu, Guenievre. Biħsiebni nkompli nsegwi l-avventuri tiegħu. Biss qabel, forsi ta’ min jara ftit x’kiteb Chretien de Troyes fis-seklu 11 dwar Lancelot.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook