ABORT, PASSAPORT

  • Diċ 16, 2013 13:21
  • Miktub minn

    L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qablet – u sew għamlet – mal-proposta li l-Parlament Ewropew ma kellux għalfejn jikkonsidra l-kwistjoni tal-abort, għax dan hu suġġett li jinsab barra mit-tratatti dwar sħubija fl-Unjoni Ewropea. Jiddeċiedu dwaru l-pajjiżi membri, għal rashom.

    Meta ġejna għall-kwistjoni tal-passaport Malti li taħt ċerti kundizzjonijiet, l-gvern il-ġdid jixtieq li jista’ jagħti lil ċittadini ta’ pajjiżi oħra li jifilħu jħallsu, ix-xenarju nbidel. Taqbel jew ma taqbilx mal-iskema tal-passaporti, din hi kwistjoni li taqa’ barra mill-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea. M’hemm xejn fit-trattati li jippermetti indħil mill-Unjoni Ewropea fil-mod kif pajjiż jagħti l-passaporti tiegħu. L-istess bħal fil-każ tal-abort.

    Imma dwar it-tieni każ, ir-rappreżentanti tal-PN ma qagħdux lura milli jappoġġjaw li l-materja titqajjem fuq l-aġenda tal-Parlament Ewropew. Din hi pożizzjoni li tmur kontra l-interess nazzjonali.

    MARATONA

    Kien ili ma nattendi għall-maratona ta’ ġbir li l-PL jagħmel biex jiffinanzja l-ħidmiet tiegħu. Wara s-sena 2008, bqajt nidher mill-anqas biex ma nagħmel xejn li seta’ jfixkel il-ħidma politika għaddejja.

    Din id-darba qiest li jkun tajjeb naċċetta l-istedina biex nattendi għall-ġabra. Dak li rajt matulha għoġobni.

    Kull partit irid jara kif se jiffinanzja ruħu biex iwettaq l-attivitajiet tiegħu b’mod effettiv. La m’hawnx f’pajjiżna iffinanzjar statali tal-ħidma politika, il-partiti bilfors ikollom iduru lejn iċ-ċittadini.

    Mit-telefonati li rrispondejt fil-maratona, deher sew kemm għad hemm individwi li jemmnu li jkunu qed jagħmlu investiment morali u politiku meta jagħtu mill-ftit tagħhom lill-PL. Il-ftit tal-ħafna jibqa’ tassew effettiv.

    Fl-aħħar ġimgħat, jien u nżur id-djar, iltqajt ma’ membri ta’ kumitati lokali Laburisti li stqarrewli kemm kienu kuntenti bir-riżultati tal-ġbir li għamlu mid-djar bi tħejjija għall-maratona.

    Allura dak li rajt u smajt meta attendejt għaliha ma ssorprendinix.

    MARSAXLOKK

    Nhar il-Ħadd filgħodu, kien hemm gost sħiħ max-xatt ta’ Marsaxlokk. Is-suq tal-ħut kien għaddej bil-kbir. Il-varjetà u l-kwalità ta’ ħut għall-bejgħ kienu impressjonanti.

    Imbagħad, stajt iżżur ġilwa ta’ tined u mwejjed fejn varjetajiet ta’ ħxejjex, ħwejjeġ u prodotti tad-dar u oħrajn, jissenslu f’wirja li titwal sat-tarf tal-bajja. F’inħawi, is-serbut ta’ nies tifli l-bigħa ikollha tgħaddi minn bejn id-dgħajjes tas-sajjieda, żaqqhom ’il fuq mal-moll, jistennew li joħorġu għal sajda.

    Man-naħa l-oħra tat-triq, ir-ristoranti skjeraw l-imwejjed u s-siġġijiet tagħhom jistennew li jaslu l-klijenti għal ikla barra.

    Ħadt gost nitkellem ma’ sid ta’ ristorant li spjegali dwar l-opportunitajiet u l-problemi li jinqalgħulu. Għoġobni l-entużjażmu tiegħu għax-xogħol li qed iwettaq.

    Bi ftit għajnuniet oħra mill-istat, mhux l-anqas lis-sajjieda, Marsaxlokk għandu l-potenzjal isir wieħed mill-inħawi l-aktar dinamiċi tal-pajjiż.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 2