FRANĠISKU SOĊJALISTA'

  • Nov 28, 2013 12:47
  • Miktub minn

    L-eżortazzjoni li ħareġ il-Papa Franġisku għandha tolqot kemm lill-Kattoliċi prattikanti, kemm lill-bqija. Tal-ewwel se jsibu linji ta’ gwida dwar fidi u imġiba li uħud minnhom x’aktarx se jsibuhom skandalużi. Tat-tieni se jkollhom iqisu sew it-ton li bih il-Papa janalizza u jiġġudika l-istrutturi ta’ tmexxija fid-dinja kontemporanja.

    Hu ton radikali għall-aħħar. Jekk l-ideat ta’ Franġisku jittieħdu bis-serjetà għandhom iwasslu għall-konklużjoni li revoluzzjoni – jew ejja ngħidu bidla – mill-qiegħ biss tista’ ġġib sens u ġustizzja fit-tmexxija tal-ġnus. Veru li ideat simili kienu fil-kitbiet ta’ Gwanni Pawlu II u aktar f’ta’ Benedittu. Biss ġew imgeżwra f’lingwaġġ devot jew mistiku. Mhux hekk fl-eżortazzjoni ta’ dil-ġimgħa.

    Kważi tasal għall-konklużjoni wara li tkun qrajtha li l-Papa spiċċa l-aħħar mexxej soċjalista fuq il-pjaneta. Il-partiti soċjalisti kollha tista’ tgħid... biex ma nsemmux dawk komunisti... ilhom li rrikonċiljaw ruħhom mal-kapitalizmu liberali. Veru wkoll li Papa Franġisku m’għandux ekonomija x’jidderieġi.

    L-EWROPA U R-RUSSJA

    Fl-aħħar minuta, l-Ukrajna rrinunzjat li tiffirma ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea. Minħabba fih, intqal, kienet se tipperikola l-ftehimiet vantaġġjużi mibnija mar-Russja, li darba l-Ukrajna kienet parti minnha. Bla dubju daħlu kalkoli oħra fin-nofs: bħall-eżiġenzi tal-Ewropej dwar kif qed tiġi trattata l-Kap ta-Oppożizzjoni fl-Ukrajna, li tinsab il-ħabs b’kundanna għal abbużi tal-poter.

    Imma l-aqwa fattur li jispjega x’ġara joħroġ mir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi Ewropej u r-Russja. Hi d-drawwa li r-Russja tiġi mpinġija bħala ors salvaġġ li trid titratta miegħu bl-akbar kawtela.

    M’inix konvint minn din l-istereotipa. Hemm problema fondamentali wkoll min-naħa tal-Ewropa: mhijiex taċċetta lir-Russja ta’ li hi, ta’ pajjiż enormi bl-aspirazzjonijiet leġittimi u anqas leġittimi, imma li fil-kobor tiegħu, jrid jiġi trattat ta’ li hu u mogħti dak li ħaqqu. Matul is-sekli, dan ftit ġara.

    Il-biża’ mir-Russja (li ma nafx kemm hu ġustifikat), iwassal biex miż-żewġ naħat ma hemmx trasparenza u fiduċja fit-tmexxija tar-relazzjonijiet bejniethom. It-tort mhux biss tar-Russja.

    DUBBIEN

    Artiklu riċenti f’gazzetta lokali kkonferma x’ili nissuspetta: id-dubbien naqsu sew. Sa żmien mhux daqstant ilu, mat-tmiem tas-sajf u l-bidu tax-xita tal-ħarifa ħalel ta’ dubbien kienu jersqu lejn id-djar biex jistkennu mix-xorti li daqt tmisshom. Mhux aktar fl-aħħar snin.

    Ħaġa tajba? Ħaġa ħażina?

    Jidher li tassew li d-dubbien naqsu bil-kbir. L-għelieqi komplew jitbegħdu mill-bliet, jekk għad baqa’ għelieqi. F’dawk li baqa’, l-użu tal-pestiċidi kompla jnaqqas l-ispazji fejn id-dubbien setgħu jqattgħu ħajja pjaċevoli għalihom.

    Mhux id-dubbien kollha huma ta’ ħsara. Hemm minnhom li biex jgħixu, jeqirdu lil insetti oħra li jagħmlulna ħsara. Huma wkoll qed jgħibu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 3

  •  
    anonimu
    Nov 28, 2013

    Hemm bzonn ta' aktar mexxejja u politici li jemmnu bhal Papa Frangisku. Bil-faqar dejjem jizdied wasal iz-zmien ta' bidla mill-gheruq. Jien nemmen li din il-bidla tista' ssehh meta l-bn

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Nov 29, 2013

    Bhal dejjem, niehu gost naqra l-analizi politika u mhiex ta' Dr Sant. Huwa bniedem intelletwali izda ghandu pinna li tinftiehem minn kulhadd.

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Nov 29, 2013

    Jekk wiehed joqghod jixtarr sew isib li anke bit-taghlim tieghu anke Kristu wera li kien socjalist. Imma maz-zmien il-knisja dawwret dan it-taghlim ghal kif jaqblilha hi biex bniet imperu li zgur ma jistax jissejjah celestjali imma mondan ghall-ahhar.

    Irrispondi
  •  

Facebook