NEGATTIVI'

  • Nov 21, 2013 14:00
  • Miktub minn

    Waqt diskussjoni dwar il-baġit li kelli din il-ġimgħa ma’ Alex Saliba fuq ir-radjo, qam punt interessanti. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tkun sempliċement negattiva f’kif ikkunsidrat u ddiskutiet il-baġit tal-gvern għall-2014? Din l-akkuża diġà saritilha.

    Personalment ma tantx nara li “negattiv” hu mod illuminanti għal kif tfisser il-ħidma ta’ oppożizzjoni – u qed ngħid hekk jien, li fi żmieni min jaf kemm-il darba tlaqqamt b’dil-kelma mill-PN. Il-funzjoni tal-Oppożizzjoni hi li tikkritika lill-gvern u tipproponi alternattivi. Biex tagħmel hekk bilfors trid tkun negattiva. Jekk f’dan, hux qed taġixxi b’mod “kostruttiv” jew “distruttiv” hi l-mistoqsija li ddawwarna żugraga dwar eżattament x’irridu infissru b’“negattiv”.

    Fil-każ tal-Oppożizzjoni preżenti u x’qalet dwar il-baġit, jidhirli li l-akbar dnub tagħha bħalissa hu li qed tkun inkoerenti. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġie rapportat li qal li l-baġit hu wieħed tajjeb imma hu diżonest. Ma tridx tkun Platun biex tifhem li ħaġa diżonesta ma tistax tkun tajba, u ħaġa tajba ma tistax tkun diżonesta.

    Oppożizzjoni inkoerenti ma tistax tkun waħda effettiva.

    RIDIKOLI

    Sadattant, intemmu b’“suċċess” in-negozjati bejn Parlament Ewropew, Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew dwar kif se jiġi ssettjat il-qafas baġitarju tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2014 - 2020. Kontroversji komplikati li nqalgħu fl-aħħar ġew deċiżi: dwar kemm flus se jintefqu kull sena, u kif; dwar it-tnaqqis fl-ispiża li se jitwettaq b’paragun mas-snin li għaddew; dwar kemm fondi se jitpoġġew tabilħaqq f’investment u tħeġġiġ ekonomiku.

    Ħafna ħarġu mdejqa bir-riżultat. Il-President tal-Parlament Schulz ġie mixli li għamel wisq kompromessi. Dawk li riedu nefqa akbar, sostnew li l-ekonomija Ewropea se titħalla tkompli tistaġna. Dawk li riedu tnaqqis fl-ispiża sostnew li nefqa akbar tfisser żieda fit-taxxi fuq ċittadini Ewropej.

    Id-deputat Ewropew Cohn-Bendit tal-Ħodor ma qagħadx lura milli jikkritika lil sħabu dwar li seħħ. Qalilhom: Intom ilkoll kontra dal-baġit imma kollha kemm intom se tivvotaw favuru. Kollha kemm intom ridikoli.

    BRAHMS

    Grazzi mill-ġdid għall-you tube, qed jirnexxili nirrimedja għal nuqqas li domt wisq nissaportih. Drajt nagħraf u napprezza x-xogħlijiet ta’ Brahms matul is-snin, imma l-aktar fil-qasam tal-mużika orkestrali, u ftit wisq f’dak tal-mużika “di camera”. Indunajt li ma kont naf xejn jew kważi mill-kwartetti tal-korda tiegħu.

    Issa f’verżjonjiet tal-gruppi Italiano, Amadeus u Borromeo għamilt ġimgħa nisma’ u nerġa’ nisma’ l-kwartetti numri 1, 2 u 3. Mhumiex xogħlijiet li tixrobhom mill-ewwel. Bħal f’ħafna mill-komposizzjonijiet ta’ Brahms, jisfidawk “tidħlilhom”.

    Mhuwiex ħin mitluf dak li tgħaddi sakemm issir tafhom mill-qrib; għandhom ħafna mumenti skwiżiti.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Nov 21, 2013

    KELMA WAHDA, MINN NEGATTIV, MA JOHROGX POZITTIV, MA NTIHOMX TORT LILL TAL PARTIT TAN NEGATTIVITA, RIDT NGHID TAL P.N.HUMA L-BRAVI

    Irrispondi