Statistika mħarbta

  • Aww 12, 2012 10:04
  • Miktub minn

    L-istatistika ekonomika li qed ningħataw mhix tgħinna nifhmu xinhu jiġri. Tinħadem skont kriterji tal-Unjoni Ewropea li ma japplikawx tajjeb għal stat “mikro” bħal tagħna. Ili ngħidha din il-ħaġa, hekk kif il-propaganda bla moħħ li treġi f’pajjiżna, takkużani li jien anti-Ewropew.

    L-aħħar ċifri dwar il-kummerċ internazzjonali Malti, maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika reġgħu kkonfermaw il-punt. Għall-ewwel sitt xhur tas-sena 2012, juru li x-xiri ta’ żjut u fjuwil laħħaq aktar minn 42 fil-mija tal-importazzjoni ta’ Malta. Fl-istess żmien, il-bejgħ barra tal-istess materji laħħaq aktar minn 43 fil-mija tal-esportazzjoni, u dan għal pajjiż bla bjar taż-żejt.

    M’għadniex nagħmlu distinzjoni bejn dak li nesportaw għax nipproduċuh fil-pajjiż u dak li nirriesportaw: jiġifieri, dak li nġibu fil-pajjiż biex sempliċiment nerġgħu nibagħtuh barra. Ħaġa bħal din ftit għandha piż f’pajjiżi kbar. Mhux hekk f’Malta. Bil-mod kif qed jintwerew, iċ-ċifri dwar l-andament tal-ekonomija aktar qed iċajpru l-istampa milli jdawluha.

    Television

    Ma nafx jekk l-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir dwar udjenzi tar-radjijiet u stazzjonijiet tat-TV għadux jingħata importanza. L-aħħar wieħed pubblikat jixhed stabbiltà kbira f’kif qed jitqassmu s-semmiegħa u t-telespettaturi. Waqt li x-xandir nazzjonali kkonsolida sew il-qagħda tiegħu bħala l-akbar stazzjon, diffiċli issa biex ONE jinqala’ mit-tieni post. In-Net jidher li baqa’ jiżloq ’l isfel. Niddubita kemm dan jinkwieta lil ta’ gonzi-pn, ħlief mil-lat finanzjarju, fejn is-soltu jsibu kif jillipazzaw.

    Aktar minn qatt qabel, ix-xandir nazzjonali hu mmexxi biex politikament jaqdihom mill-koxxa. Il-problema ta’ ONE dejjem kienet, u nistħajjel għadha, dik li jżomm bilanċ xieraq bejn l-impenn “aħmar” aktar konċentrat mistenni mir-radjo, u l-impenn “roża” ta’ ftuħ lejn is-saffi kollha tas-soċjeta mistenni mit-television. Mhux bilanċ ħafif.

    Poeżija

    Laqtuni ftit ilu żewġ żgħażagħ li stagħġbu kif ma tantx ninteressa ruħi fil-poeżija. Għalihom din toffri l-aqwa esperjenza fil-letteratura. Lili, il-poeżija dejjem ħallietni kemxejn biered. Għal snin twal, l-aktar li segwejt kienet il-poeżija Maltija kontemporanja. Imma hawn ukoll, l-interess kien batta.

    Qgħadt naħseb fuq x’qaluli ż-żewġ żgħażagħ. B’ċertu mod, kelli nagħtihom raġun. Li fil-poeżija hemm dinjiet sħaħ ta’ għeġubijiet u emozzjonijiet hi ħaġa ċara. Meta wieħed jibqa’ bogħod minnhom, jitlef mill-pjaċir u t-tagħlim li jistgħu jagħtuh. Veru li l-ħajja tant hi qasira li jkollok bilfors tillimita l-interessi u l-attivitajiet li tidħol għalihom. Biss forsi aħjar ma nwarrabx il-parir imkebbeb fl-istagħġib tat-tnejn li kellmuni u għal li ġej nara nsibx xi ħin għall-poeżija, mhux l-anqas dik Maltija tal-lum u tal-bieraħ.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0