IMPRIŻI ŻGĦAR

  • Nov 10, 2013 17:33
  • Miktub minn

    L-impriżi ż-żgħar (jimpjegaw anqas minn 250 ruħ), jammontaw għal 99 fil-mija tal-impriżi fl-Unjoni Ewropea. L-impriżi mikro (anqas minn 10 impjegati), jagħmlu 92 fil-mija.

    F’Malta 99 fil-mija tal-impriżi huma mikro.

    Kullimkien, il-kriżi ekonomika tal-aħħar snin laqtet ħażin ħafna lill-impriżi ż-żgħar. Fil-baġit 2014 ittieħdu jew ġew konfermati miżuri biex jipprovaw jilqgħu għall-problema. J’alla jirnexxu. Mhix ħaġa faċli: b’mod ġenerali, l-impriżi ż-żgħar naqqsu mill-bejgħ, ibatu minn nuqqas ta’ fondi u l-investimenti tagħhom staġnaw.

    Mhux biex inqajjem polemiki antiki: imma fattur ewlieni fil-mod kif il-kriżi ta’ finanzjament baqgħet tipprevali għall-impriżi żgħar, kemm f’Malta u kemm fl-Ewropa, hu l-effetti tat-taxxa tal-VAT. Din hi għodda ewlenija fil-kolla ekonomika li żżomm l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea flimkien. Imma fil-mod kif titħaddem, iżżomm sarima qawwija mal-flessibiltà li biha l-impriżi ż-żgħar jistgħu jilqgħu għat-twegħir.

    Bla dubju, li tressaq punt bħal dan se jitqies mill-abbatini tal-ortodossija Ewropea bħala ereżija, jekk mhux populiżmu. Imma anki fl-ereżiji, tinsab il-verità.

    DWEJJAQ FI FRANZA

    Il-President ta’ Franza Hollande u l-gvern tal-Prim Ministru Ayrault laħqu livelli tassew baxxi fil-barometri tal-popolarità. Il-miżuri meħuda minn Hollande għal titjib fl-andament tal-baġit tal-gvern tqiesu bħala dgħajfa wisq minn Standard & Poor’s, li naqqsu r-“rating” finanzjarju tal-pajjiż. Quddiem l-avvanzi elettorali tal-Front Nazzjonali (lemin estrem),, il-gvern u l-Partit Soċjalista jinsabu maqsumin dwar kif l-aħjar jaġixxu.

    Id-dwejjaq fi Franza jxekklu l-ħidma li qed issir biex l-ekonomija Ewropea tirpilja. Bħalissa, Spanja tidher li qed terġa’ ssib saqajha waqt li l-Italja għadha ma fieqitx mill-inċertezzi politiċi. Biex jogħġob lil Standard and Poor’s (u lill-Kummissjoni Ewropea), Hollande ikollu jdaħħal miżuri ta’ awsterità akbar. Ma jridx jagħmel hekk, għax ikun qed jagħti nifs akbar lill-Front Nazzjonali.

    LAQGĦA

    Waqt okkażjoni qasira fil-Barrakka ta’ Fuq, organizzata għall-midja mill-SKS biex tħabbar il-ħruġ tal-ktieb ĊPAR b’rakkonti ġodda tiegħi, iltqajt ma’ Dottor Joe Micallef Stafrace. Kien ili ftit ma narah. Ħadt gost insib li mhux biss saħħtu għadha tajba, imma li xejn ma nbidel mill-karattru tolleranti, ferrieħi u mġarrab tiegħu.

    Sirt nafu ferm wara li kien telaq mix-xena politika. Mill-ewwel qiestu b’simpatija kbira (u forsi qed inkun prużuntuż f’dan: naħseb li anki hu lili),. Dejjem sibtu għajn ta’ pariri siewja u diżinteressati.

    Semmieli kif issa hu biss baqa’ mill-kabinett Laburista tas-sena 1971. Kliemu fakkruni fin-nies li ltqajt magħhom matul żjarat fid-djar tal-ewwel distrett u fil-madwar – nies li kienu jaħdmu fil-qrib miegħu meta kien fil-politika u li, kif qaluli, baqgħu jżommu memorji sbieħ ta’ dik il-ħidma.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Nov 12, 2013

    ta tifel zghir li kont, ghadni nara lil Joe u lill-mibki Patrick Holland hergin minn arrest wara l-istorbji tal-1958 u bqajt nammira l-fermezza tieghu fil-Partit minkejja li ghadda minn perjodi mhux tant felici. AD MULTOS ANNOS JOE

    Irrispondi
  •  

Facebook