IT-TEMP U L-BEJGĦ

  • Ott 28, 2013 15:53
  • Miktub minn

    Kulħadd iħobb it-temp tas-sajf, anki barra minn żmienu. Ħlief il-bejjiegħa tal-ħwejjeġ. Smajt ilmenti dan l-aħħar minn sidien ta’ negozji li ftit li xejn raw bejgħ ta’ ħwejjeġ tax-xitwa li suppost kellu jsir fl-aħħar ġimgħat. F’temp sħun sew, min se joqgħod jaħseb jixtri għall-bard?

    Dan se jkollu jasal. Iva, jgħidulek..., lejn il-Milied. Allura mhux xorta? Il-ħwejjeġ tax-xitwa jinbiegħu f’dak iż-żmien. It-tweġiba: F’dak il-waqt, in-nies tistenna s-sales...

    Ikollok tammetti: min jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum min-negozju u mhux minn paga, isib ħafna intoppi. In-nies li kellmuni b’dan il-mod mhumiex xi miljunarji imma fil-biċċa l-kbira, “self-employed” b’negozju żgħir.

    Fl-istess ħin, lanqas tista’ tisħet it-temp sabiħ. Jidher li ġabilna aktar turisti milli jkollna s-soltu f’dawn il-jiem.

    Biss, terġa’, l-għelieqi nixfu qoxqox. Minnhom ukoll, għad hawn min irid jaqla’ l-għajxien tiegħu.

    L-AGĦAR GĦEDEWWA

    Kelma waħda tfisser il-qtil tal-isqra huma u għaddejja minn Malta fi triqthom lejn l-Afrika: diżgustanti. Ma kienx att iżolat. Twettaq minn diversi nies f’diversi nħawi ta’ Malta u Għawdex, li ma ftehmux bejniethom, imma b’mod spontaju iddeċidew li jiksru l-liġi, u ta’ xejn b’xejn joqtlu tajr imprezzabbbli protett.

    Nies bħal dawn jagħtu lill-kaċċaturi u n-nassaba Maltin reputazzjoni kerha ħafna. Qed iddawwar kontrihom l-opinjoni publika f’Malta u fl-Ewropa.

    Dejjem kont ngħid li l-agħar għedewwa tal-kaċċaturi mhumiex dawk li ma jaqblux mal-kaċċa u l-insib, passatempi li taqbel magħhom jew le, huma leġittimi.

    L-aqwa għedewwa tal-kaċċaturi mhumiex tal-Bird Life, imma faxx ta’ kaċċaturi li jiġu jitmejlu minn kollox u lesti jiksru kull liġu u regola, l-aqwa li jisparaw u joqtlu.

    TAL-ISPJUNAĠĠ TAGĦQAD

    Kompliet tagħqad fl-aħħar ġimagħtejn l-istorja tal-ispjunaġġ bla rażan li s-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti wettqu fuq id-diriġenti nazzjonali tal-aqwa alleati tal-Amerika. Il-Ġermanja kienet qed tħejji biex tħalli l-biċċa tintesa. Imbagħad ġie mistqarr li saħansitra t-telefown tal-kanċellier Merkel kien qed jiġi rekordjat mill-Amerikani. Il-biċċa faret mill-ġdid.

    L-istess ġara fi Franza. F’daqqa dawn iż-żewġ pajjiżi donnhom ħadu l-istess pożizzjoni bħal tal-President tal-Brażil, li saħansitra kkanċellat żjara statali fl-Istati Uniti.

    Qed tiqliel l-ironija tal-qagħda Amerikana. L-Istati Uniti kienu jiftaħru bir-raġun fl-imgħoddi li huma l-art tal-bnedmin ħielsa. Imma issa, waqt li saru waħidhom is-Superpotenza tad-dinja, biex iżommu fil-wiċċ donnhom ikkonkludew li jeħtiġilhom irażżnu l-ħelsien tal-bnedmin barra arthom. Fil-fatt kieku kellu jintqal kollox, qed irażżnuha anki f’arthom.

    Jien wieħed minn dawk li jiddispjaċihom bil-kbir li jkollna naslu għal din il-konklużjoni.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 2

  •  
    anonimu
    Ott 28, 2013

    Fuq l-ispjunagg ma nafx jekk il-gvern Malti jafx xi haga, imam jien xejn ma ddoqqli li l-iuzghar pajjiz ghandhna l-ikbar Ambaxxata Amerikana b'numru ta' sulari taht l-art? Tinsewk li ftit ilu kien he

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Ott 30, 2013

    Artiklu bil-ħsieb. Imma dawk ajkli kienu, mhux isqra, Dr.Sant.

    Irrispondi