IL-GVERN U Ċ-ĊITTADINI

  • Ott 17, 2013 08:36
  • Miktub minn

    Tajjeb li l-gvern jaħseb biex inaqqas il-burokrazija fil-proċeduri tiegħu. Biss hemm ukoll bżonn li jisħaq biex il-proċeduri tiegħu jistmaw u jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini. Każ ta’ ħabib tiegħi ħallieni miblugħ.

    Id-dar tiegħu fejn joqgħod se jeħodhielu l-gvern. Se jwaqqagħha biex jgħaddi triq minnha xi erba’ xhur oħra. Hu mistenni jitlaq u jsib post ieħor fejn jgħix. Il-gvern se jagħtih kumpens. La jaf kemm se jkun dal-kumpens u lanqas kif se jiġi stmat.

    Meta talab biex isir jaf, qalulu biex jistenna sa meta fil-gazzetta tal-gvern joħroġ l-editt ta’ esproprijazzjoni. Meta talab biex jintbagħat perit tal-gvern ħalli jispezzjona l-propjetà, induna li d-dipartiment konċernat kellu pjanta żbaljata tal-post.

    U baqa’ ma jafx fejn qiegħed, meta suppost irid ikollu sens ta’ kemm se jkun jista’ jonfoq mill-kumpens biex jixtri dar oħra fejn jgħix wara li jkunu ħadulu daru.

    It-trattament li qed jirċievi hu konformi mal-proċeduri tal-gvern illum. Ħadd mhu qed “jabbuża” minn ħabibi.

    Il-gvern jeħtieġlu b’urġenza jirriforma l-mod kif jittratta liċ-ċittadini.

    MUTILAZZJONI ĠENITALI

    Id-dibattitu fil-Parlament Malti dwar il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa isegwi dibattiti simili fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Ewropa. F’tal-aħħar, seħħ żvilupp mhux mistenni. Qamet kontroversja dwar iċ-ċirkonċiżjoni (tal-irġiel),. Intqal li din il-prattika jeħtieġ titwaqqaf għax speċjalment meta użata fuq subien, mhix prattika aċċettabbli.

    Rappreżentanti Lhud ħarġu jipprotestaw bil-qawwa. Uħud sostnew li din kienet turija oħra tal-anti-semitiżmu Ewropew. Il-Musulmani li bħal-Lhud jipprattikaw iċ-ċirkonċiżjoni, żammew profil aktar baxx fil-kontroversja.

    Fl-Afrika ta’ Isfel, numru ta’ tribuijiet għandhom l-istess prattika. Imexxuha x-xjuħ tat-tribu. Jużaw għodod primittivi li ġieli wasslu għall-mewt b’infezzjonjiet ħorox taż-żgħażagħ li joperaw fuqhom.

    ...Niftakar fiż-żmien meta żgħir ħafna, kont nipprova nifhem eżatt x’ġara hekk kif skont l-istorja li kont nisma’ ta’ ħajjet Kristu, ħaduh tarbija fit-tempju għaċ-ċirkonċiżjoni.

    SISTER ACT

    Fuq is-sett tal-programm Kalamita ta’ One TV kelli l-privileġġ niltaqa’ ma’ swor Anna Maria Sammut. Ta’ 83 sena għadha kemm irkuprat minn operazzjoni serja tal-qalb. Qed tlesti biex tmur lura fil-kunvent tagħha barra Lahore fejn hi u s-sorijiet sħabha jindokraw numru kbir ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali abbandunati mill-familji tagħhom.

    Ilha twettaq dil-ħidma xi 30 sena. Kemm ilha fil-Pakistan tgħallmet titkellem u taqra bl-Urdu u bil-Punġabi. Għandha determinazzjoni kwieta f’imġiebtha impressjonanti. Tal-età tagħha, setgħet faċilment tirtira. Xejn minn dan. Qabel titlaq lura, kienet qed tara kif tista’ tiddobba xi għajnuna finanzjarja għall-ħidma favur l-abbandunati ta’ Lahore.

    Dnub li minħabba saħħitha se jkollha tabbanduna l-ikel jaħraq tal-kari li drat tiggosta f’pajjiżha addottiv.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 3