Il-qgħad reali fostna

  • Aww 08, 2012 17:53
  • Miktub minn

    Id-dokument ta’ qabel il-baġit li ħareġ il-Ministru tal-Finanzi hu mimli bis-soltu ftaħir dwar kemm gonzi-pn qed jirnexxielu jidderieġi l-ekonomija tajjeb. Ħafna miċ-ċifri huma midluka sew. Jirriflettu l-propaganda dejjem għaddejja. Se jimpressjonaw lil min jaf iħares b’għajn kritika lejn dak li jippreżentawlu – inkluża l-Kummissjoni Ewropea?

    Mill-ġdid isir plejtu fuq kemm hi “baxxa” r-rata tal-qgħad fostna imqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej. Ma jintqalx kif il-qgħad tagħna jitkejjel fuq ir-rata ta’ nies li jaħdmu jew “lesti” jaħdmu fil-popolazzjoni Maltija. Din ir-rata tagħna ta’ “parteċipazzjoni” fid-dinja tax-xogħol għadha fost l-iċken fil-pajjiżi tal-ewro. Oħrajn li għandhom rata ta’ parrteċipazzjoni ogħla, jikkalkolaw il-qgħad tagħhom fuqha. Meta jkollok rata ta’ parteċipazzjoni għolja fid-dinja tax-xogħol, l-ekonomija tista’ tistrieħ fuq aktar muturi biex toħloq il-ħidma u l-ġid.

    Ir-rata relattivament baxxa ta’ parteċipazzjoni tagħna tfisser li hemm nies b’potenzjal li jaħdmu imma mhumiex qed jagħmlu hekk. Effettivament huma “qgħeda”. Id-dokument ta’ qabel il-baġit jirrepeti kif il-qgħad fostna hu ta’ 4.2 fil-mija bil-kejl tal-ETC, u ta’ 6 fil-mija bil-kejl tal-Eurostat. Kieku r-rata ta’ parteċipazzjoni Maltija fid-dinja tax-xogħol tagħna tiġi qrib il-medja tal-pajjiżi l-oħra fiż-żona tal-ewro, effettivament ir-rata reali tal-qgħad fostna kienet tiġi qrib is-17 fil-mija, jekk ma taqbiżhiex.

    Nitkellmu aktar dwar id-dokument ta’ qabel il-baġit.

    ***

    Kurżità

    OK, tista’ tkun xettiku bħali dwar kif il-kompjuters u r-robots daħlu fil-qalba tal-esplorazzjoni spazjali biex il-bniedem donnu spiċċa l-assistent tagħhom. Xorta jkollok taqbel li l-wasla tal-vettura spazjali Kurżità fuq Mars kienet trijomf inkredibbli. Dnub li n-nies tal-ġenerazzjoni tiegħi se jkunu telqu meta l-ewwel persuna tinżel fuq Mars. Talanqas nittama li ma tagħmilx hekk sempliċiment bħala assistent ta’ xi robot.

    ***

    Stendhal

    Erġajt qrajt wara ħafna ħafna snin ir-rumanz ta’ Stendhal “Il-Monasterju ta’ Parma”. Ġeddidt u saħħaħt l-impressjonijiet sbieħ li ħallieli dal-kapolavur li jinqara fuq diversi livelli – l-intriċċi politiċi fi ħdan soċjetà awtoritarja; kif jiżviluppaw ir-rabtiet bejn nies u irġiel ta’ etajiet differenti; kif bniedem jimmatura b’mod li la hu u la ħadd ma kien jistenna; il-madmad tal-mogħdija taż-żmien; l-inkoxjenza tal-individwu maqbud fi ġrajjiet li mhux jifhem... Is-silta fejn Fabrice, l-“eroj” (jew “anti-eroj”), jagħqad żugraga mal-għelieqi ta’ Waterloo biex jipprova jieħu sehem fil-battalja li qed tiżvolġi hemm, tibqa’ impressjonanti. Nemmen li serviet ta’ mudell għal Tolstoy f’xena “simili”, ukoll mill-aqwa, fi “Gwerra u Paċi”. Ħaġa stramba kif Stendhal li ħalla mhux mitmuma għadd ta’ kitbiet importanti, beda u temm “Il-Monasterju ta’ Parma" f’anqas minn xahrejn.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0