FITCH JEŻAMINANA

  • Set 23, 2013 12:56
  • Miktub minn

    Meta l-aġenzija internazzjonali tal-kredtu Fitch naqqset il-marka dwar il-qagħda finanzjarja ta’ Malta minn A+ għal A, ma ssorprendietx lil dawk fostna li jagħrfu sew il-wirt li ħalla warajh il-gvern ta’ gonzi-pn.

    Maġġoranza ta’ Maltin jemmnu fil-“feel good”, li bih nipproklamaw li l-affarijiet sejrin tajjeb u se jmorru aħjar. Min jagħmel mod ieħor, jitqies bħala “negattiv”.

    Imma dan qiegħed itappan l-għarfien ta’ kif ikunu tassew l-affarijiet.

    Ġudizzju serju dwar is-sisien finanzjarji ta’ kull ekonomija jsir fuq l-aspetti fundamentali tal-qagħda tagħha. Hawn il-gvern il-ġdid qed jiffaċċja nuqqasijiet sostanzjali, miruta mingħand gonzi-pn. Ma jistgħux jissewwew mil-lejl għan-nhar. Sa issa, inħbew minħabba r-riżultati ħżiena li kisbu uħud mill-ekonomiji taż-żona ewro.

    Ir-rata tal-investiment fl-ekonomija Maltija baqgħet titbaxxa fl-aħħar għaxar snin. Investimenti publiċi (Arriva, Mater Dei), sfaw infettati b’ħala kbir. Il-parteċipazzjoni tal-poplu fid-dinja tax-xogħol taħbat fost l-aktar baxxi fl-Ewropa. L-illitteriżmu u n-nuqqas ta’ taħriġ xjentifiku/tekniku huma fost l-ogħla fl-Ewropa.

    Jekk ninsew dawn il-fatturi, ma nifhmux għaliex min jeżaminana kkonkluda li l-muturi ekonomiċi tagħna mhumiex jaħdmu tajjeb biżżejjed.

    “MONEY...”

    Partit politiku żgur għandu dawn is-sorsi ta’ nefqa: amministrazzjoni ġenerali; stazzjonijiet radjo/tv u stamperiji; kampanji politiċi; spiża kapitali fuq uffiċċji eċċ. Għandu dawn l-għejun ta’ dħul: miżati; dħul minn riklami, pubblikazzjonijiet eċċ.; donazzjonijiet, kbar u żgħar; kredtu minn banek u oħrajn.

    Mhix ħaġa ħafifa żżomm bilanċ bejn dawn il-kurrenti. Ir-radjo u t-TV jistgħu jispiċċaw piż enormi. Imma lil hinn minnhom, ta’ gonzi-pn baqgħu jonfqu bla rażan fuq amministrazzjoni ġenerali, stamperija u spiża kapitali. Qishom se jibqgħu dejjem fil-gvern biex jibbenefikaw mill-kredtu ta’ negozjanti ħbieb u minn sussidji okkulti.

    Il-finanzi tal-PN huma turija oħra tal-falliment tas-“slogan” li nieda Dr Fenech Adami u li twettaq fil-partit: “money no problem”.

    PIPERNO

    Fir-rumanz “Gli Inseparabili” rebbieħ tal-premju Strega 2012, Alessandro Piperno jirrakkontalna dwar żewġ aħwa Ebrei Taljani. Li jgħixu taħt l-inkubu li missierhom, kirurgu famuż, miet skredidat b’akkużi li kkorrompa sesswalment tifla taħt l-età, ħabiba ta’ ibnu ż-żgħir, Samwel.

    Ir-rumanz hu interessanti ħafna għax donnu nkiteb fit-tradizzjoni ta’ rumanzi Amerikani “Lhud” fejn tispikka sesswalità espliċità u eżuberanti, tipo Philip Roth. Forsi għalhekk li l-kbir mill-aħwa jismu Filippo.

    Madankollu l-għanijiet ta’ Piperno jmorru ħafna aktar il bogħod mill-mira li jaddatta lil Roth għal pajjiżu. Jiftaħ – bi stil li jissoda u jitjieb matul il-kitba – fuq temi kontemporanji bħar-rabta bejn midja soċjali u l-ħbiberiji “wiċċ imb’wiċċ”, u l-mod kif ġenituri xjuħ u uliedhom adulti jirrelataw ma’ xulxin.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook