IT-TAJBA U L-KOMPETENTI

    Għaddejja kampanja biex idddaħħal fl-imħuħ li donnu l-Laburisti m’għandhomx fosthom nies ta’ talent, kompetenza u ħila. Din qed titgerbeb f’kampanja oħra li tattakka lill-gvern il-ġdid għall-ħatriet li għamel. Qisu wettaq ħatriet li huma misjuqa biss mill-partiġjaniżmu. X’ipokrezija!

    Ma nistax naħseb f’ħatra waħda li saret – li temmen x’temmen dwar min inħatar – mhix ta’ xi ħadd kompetenti. B’differenza f’li kien isir qabel minn gonzi-pn, fejn numru ta’ ħatriet kienu ta’ nies li l-unika kwalifika tagħhom kienet is-sħubija tagħhom fil-klan tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.

    Iqanqlu l-argument li matul il-kampanja elettorali, tal-PL ħarġu bil-għajta ta’ Malta tagħna lkoll. U li issa qed jappuntjaw ħafna nies ta’ simpatiji Laburisti. Tajba din: għal snin twal, fid-dar tagħna l-Maltin ilkoll, kienu jmexxu ċerti nies, u l-oħrajn inżammu barra; issa, biex id-dar li titmexxa tkun tagħna lkoll, l-ewwel irid jiġri li dawk li tħallew barra, jiddaħħlu lkoll ġewwa. U hekk qed jiġri.

    ĠERMANJA VS. FRANZA?
    Il-midja internazzjonali mhux ħlief tirraporta dwar kif ixxaqqaq l-“axis” Berlin-Pariġi.
    Il-kanċellier Merkel baqgħet tinsisti li titħaddem politika soda ħalli titrażżan in-nefqa pubblika – politika msejħa tal-“awsterità”. Biha l-ekonomiji baqgħu jistaġnaw u l-impjiegi jonqsu.
    U l-President Franċiż Hollande baqa’ jinsisti, bla wisq suċċess, li l-ekonomiji jingħataw in-nifs biex ikunu jistgħu jikbru u joħolqu x-xogħol. Hollande qed jaffaċċja problemi kbar fit-tmexxija ekonomika. Ftit għandu saħħa biex iżomm sod kontra l-esiġenzi ta’ Merkel.
    Il-President ta’ qablu, Sarkozy, kellu l-istess problema. Solviha billi għamel kif riedet Merkel. Lagħabha li d-deċiżjonijiet “tagħha” kienu “tiegħu” ukoll. Ma jidhirx li Hollande jixtieq jew jista’ jilgħab l-istess logħba.
    Talanqas, dan kif il-midja internazzjonali qed tirrapporta l-“firda” bejn il-Ġermanja u Franza...
    BLACK SORROWS
    Xi kultant issir taf bl-eżistenza ta’ attivisti politiċi importanti... ta’ artisti u kittieba... ta’ politikanti... negozjanti u imprendituri... ta’ reliġjużi u qaddisin... snin twal wara li jkunu kisbu l-fama tagħhom jew wara mewthom. Imbagħad tgħid: imma kif dawn qatt ma smajt bihom?
    Ġrali hekk din il-ġimgħa jien u nirrekordja minn LP li sellfuni, doppju u qadim, maħruġ fl-1980, jismu “Harley and Rose”, tal-grupp The Black Sorrows.
    Band pop. Mill-Awstralja.
    Għedt lili nnifsi: kif ma nistax niftakar li qatt indunajt jew qaluli bih qabel? Protagonist bħala kompożitur u kantant jissemma’ Joe Camilleri. Għoġbitni ħafna l-mużika. U issa saret priorità li nsir naf aktar dwar dawn tal-Black Sorrows. Forsi qed inħabbat fuq bieb miftuħ...
    www.alfredsant.org