X’ĦALLEW WARAJHOM

    Il-gvern il-ġdid bi prudenza ammirevoli, qed jibqa’ lura milli jagħti l-istorja sħiħa ta’ x’sab meta daħal fil-kariga. Mhux biss nuqqas ta’ “handover” serju imma proġetti mtellqa bl-addoċċ u impenji finanzjarji żgarrati – fost oħrajn.

    Ninsabu bit-theddida li l-Kummissjoni Ewropea terġa’ tpoġġi lil Malta taħt il-proċedura Ewropea imsejħa tal-“excessive deficit” – jiġifieri: għax id-defiċit pubbliku reġa’ qed jaqbeż it-tlieta fil-mija tad-daqs tal-ekonomija, il-Kummissjoni tpoġġi sorvelja qawwija fuq il-baġit tal-gvern.

    Jekk dan jiġri wkoll dis-sena, wara li ħarġu r-riżultati finanzjarji għall-2012, tkun it-tielet darba li l-biċċa tqanqlet preċiż wara elezzjoni ġenerali. Fi żmien elezzjoni, għall-PN kollox jgħodd, l-aqwa li jirkupraw il-voti.

    U ma jkunux il-ftit fost gonzi-pn li wettqu l-eċċessi. Bil-maqlub. Fl-aħħar elezzjoni, abbużi wiesgħa fil-ħala tal-flus ma rnexxielhomx jaffettwaw ir-riżultat. Imma saru.

    Nifhem għaliex fl-interess nazzjonali, il-gvern il-ġdid qed ikun prudenti f’kif jiżvela x’sab (jew ma sabx),. Tal-PN mhux se jagħtuh kredtu għal dan.

    NAPOLITANO

    Interessanti ħafna d-diskors ta’ Giorgio Napolitano meta aċċetta l-ħatra li r-rappreżentanti Taljani eliġġewh għaliha, għat-tieni darba bħala President tal-Italja. Kliem kawt imma personalizzat. Espressjoni iebsa dwar l-għażliet quddiem l-Italja magħmula b’ton ta’ min fehem kif it-tieni mandat li ngħata, saħħaħlu idu biex jinsisti li d-deċiżjonjiet meħtieġa jittieħdu. Id-diskors seta’ kien iqsar. Xorta żamm punġenza politika eżemplari.

    Napolitano qala’ applawsi kbar. Imma n-naħat politiċi donnhom kollha qiesu li l-kritika ta’ Napolitano kienet indirizzata lejn l-avversarji tagħhom, mhux lejhom. Veru, bis-saħħa tal-President, issa twaqqaf gvern ġdid ta’ koalizzjoni. Kulħadd qabel li se jkollu ħajja qasira.

    KTIEB VARAT

    Waqt okkażjoni fejn jiġi varat ktieb li tkun ktibt, ma jonqosx sens ta’ konfużjoni fik. Kwalunkwe kitba, meta titpoġġa għall-iskrutinju tal-qarrejja, se ssib il-ħajja jew il-mewt tagħha: skont kif il-qarrejja se jifhmuha, jabborruha jew japprezzawha. L-għarfien tagħha li jsir donnu jagħti karattru differenti lill-kitba.

    Erġajt ħassejt dan is-Sibt li għadda fil-lukanda Osborne fejn l-SKS varaw ir-rumanz “George Bush f’Malta”. Saret kritika valida ħafna minn kummentaturi pjuttost żgħażagħ (bil-kejl ta’ kif sirt inqis l-età), taħt id-direzzjoni ta’ Simone Cini: Francesca Mangion, Brian Buhagiar, Mark Camilleri u Charlo Pisani. Ma qbiltx ma’ kull ma ntqal. Imma l-kummenti kollha tefgħuli dawl ġdid fuq kif għandi nqis dil-kitba “lesta”. Kien hemm qari/reċtar ta’ siltiet minn atturi mġarrba: Anthony Ellul, Anna Bassilly, Shaun Buhagiar u Sandra Davies. Fetħuli għajnejja dwar interpretazzjonijiet differenti milli nagħti jien stess lili nnifsi ta’ dak li ktibt. Kienet esperjenza interessanti ħafna. Lil kull min ħa sehem, grazzi.

    www.alfredsant.org