Ewropej

    Wara li spiċċa minn Kummissarju Ewropew, l-eks ministru tal-affarijiet barranin Malti Joe Borg ġie kkritikat bl-aħrax għax aċċetta malajr wisq ċerti konsulenzi fl-oqsma tal-ħatra qadima tiegħu.

    Kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi li wasslu għar-riżenja tiegħu, l-eks kummissarju Ewropew Malti John Dalli tneħħa mill-kariga b’mod xejn dinjituż u mingħajr l-iċken rispett lejn x’setgħu kienu l-interessi ta’ Malta.

    Il-ħatra tal-Viċi Prim Ministru Malti Tonio Borg biex jieħu l-post ta’ Dalli ġiet sottomessa għal skrutinju mill-aktar iebes mill-istituzzjonijiet Ewropej, għax tqies li hu jħaddan valuri “mhux Ewropej”.

    F’dawn l-iżviluppi u oħrajn bħalhom hemm ironija enormi. Ġraw taħt gvern u partit li daħħlu lil Malta membru tal-Unjoni Ewropea bl-għajta li riedu jdaħħluna fid-“dar” Ewropea tagħna. Ma baqgħu lura mill-ebda manuvra u mill-ebda intriċċ biex jaslu għall-għan tagħhom.

    Ma jidhirx li dan kollu ġie apprezzat ħafna. Minkejja li n-Nazzjonalisti ddieħku bil-pożizzjoni li kien ippreżenta l-Partit Laburista fir-rigward tar-relazzjonijiet li Malta għandu jkollha fl-Ewropa, iż-żmien tana parir. Huma l-Laburisti li f’pajjiżna raw kif jitwettqu verament fostna valuri u fehmiet Ewropej, dejjem fir-rispett tal-ħtieġa li l-Maltin jibqgħu kemm jista’ jkun b’rajhom f’idejhom.

    Bombi

    Nikkummenta bla kantunieri fuq żewġ deliżżji tradizzjonali Maltin li jqajmu kontroversja bla tmiem – il-kaċċa u l-insib; u l-produzzjoni ta’ murtali u bombi għall-festi.

    It-tnejn għandhom l-attivisti ferventi tagħhom. Għandhom ħafna li jieħdu gost bir-riżultati ta’ ħidmet l-attivisti. Għandhom il-vittmi.

    Il-kaċċa u l-insib ġew regolati b’mod li anki għalija li m’inix dilettant, jidhirli eċċessiv. L-għasafar huma l-vittmi tal-kaċċa u l-insib – anki jekk kaċċaturi u nassaba jgħidulek kif gamiema tippreferi tilqa’ tir milli tibqa’ ttir ħielsa.

    Il-produzzjoni tan-“nar” għall-festi tinsab għaddejja skont regolamenti li ħadd ma jaf kif qed jinżammu, anki jekk nisimgħu stqarrijiet dwar kif din il-produzzjoni illum qed issir skont normi tassew professjonali. Mur emmen.

    Il-vittmi ta’ dan it-tieni operat mhumiex għasafar imma bnedmin.

    Diġitali

    Il-pass li ħadet il-Knisja ta’ Malta biex tpoġġi fuq l-internet id-dokumenti tal-arkivji tagħha hu ta’ min ifaħħru. Għandu jingħata aktar attenzjoni u pubbliċità mill-midja. Naħseb li jkun tajjeb ukoll li jsir eżerċizzju aktar wiesa’ milli sar biex titfisser l-importanza ta’ din l-inizjattiva u kif ċittadini “normali” jkunu jistgħu jużawha biex isiru jafu aktar dwar l-isfond tal-familji u l-komunitajiet tagħhom. Tiskanta x’interess proġett hekk jista’ jkebbes, meta jitfisser tajjeb. Xempju ta’ dan hu l-websajt tal-Istatwa tal-Libertà ta’ New York li juri l-informazzjoni dwar l-immigranti dieħla fl-Istati Uniti talanqas sa mill-bidu tas-seklu l-ieħor.

    alfredsant.org