X'vittorja!

    Il-ministru tal-finanzi Tonio Fenech, kandidat fl-elezzjoni għal deputat mexxej fi ħdan gonzi-pn, ħareġ ikanta vittorja. Minn Brussell, il-Kummissjoni Ewropea qalet li se twaqqaf il-proċeduri kontra l-gvern mibdija meta dan ħalla d-deficit fil-baġit tiegħu jogħla għal aktar min 3 fil-mija tad-daqs tal-ekonomija Maltija. Qed tara kemm qed jirnexxielna mmexxu tajjeb il-finanzi tal-pajjiż! ħarġu jgħidu Fenech u l-Prim Ministru Gonzi.

    Trid tkun veru iblah biex tiftaħar b’dil-ħaġa. Min kien li għabba l-finanzi ta’ Malta b’deficit akbar minn 3 fil-mija, skont ir-regoli tal-istess Unjoni Ewropea? Il-gvern ta’ gonzi-pn.

    Min kien li ġagħal lill-gvern jieħu passi ħalli jsolvi l-problema għax jekk le, se jimmultah miljuni ta’ ewro? Il-Kummissjoni Ewropea minn Brussell.

    Jekk issa l-Kummissjoni qalet li l-gvern naqqas id-deficit tiegħu għal-livell mixtieq, dan ifisser biss li l-gvern obda lill-Kummissjoni biex isolvi problema ta’ deficit li kien ħalaq hu stess. Allura din vittorja?!

    Lino Cassar

    Ma’ Lino Cassar ħdimt fuq ħafna proġetti. Dejjem laqtuni l-ġenwinità fih, is-sens professjonali li bih kien jaħdem skont l-istandards tiegħu, u l-kultura vasta li kellu f’ċerti oqsma bħaċ-ċinema, il-kitbiet Maltin tal-ewwel nofs tas-seklu l-ieħor u l-qasam tal-karikatura popolari. Ma’ dawn il-kwalitajiet kien jgħaqqad dawk ta’ bniedem interessanti li lest “jisfidak” bil-fehmiet tiegħu – u l-kwalità ta’ ġentilezza li kellu minkejja l-istil polemikuż li bih kiteb. Malajr kont tajtu l-laqam tal-“ġgant ġentili” ...

    Ħadt xokk insir naf b’mewtu. Sogħobbieni li b’saħħtu sejra għall-agħar, ma rnexxilix immur narah fl-aħħar ġimgħat. Fil-fatt b’mod stramb u li ma tantx jagħmel sens, kont għadni nittama li Lino għad isib il-kuraġġ u s-saħħa biex iqum minn fejn kien u jerġa’ jagħtina l-verżjoni tiegħu ta’ kif ħadd wara ħadd, jasal...

    Ma kellux ikun... Nagħti l-kondoljanzi lill-familja kollha tiegħu.

    Perspettivi/Perspectives

    L-editur ta’ inewsmalta.com mhux se jiċċensura dan li ġej bħala pubbliċita mhux imħallsa: imma ħadt gost bil-laqgħa li ngħata l-aħħar ktieb li ħriġt, din id-darba mal-pubblikaturi Horizons, bit-titolu “Perspettivi/Perspectives”. Deher għall-ewwel darba fil-Fiera tal-Ktieb li ntemmet ilbieraħ, u qaluli li mar tajjeb.

    “Perspettivi/Perspectives” jippreżenta għażla ta’ kitbiet bil-Malti u bl-Ingliż miktuba fl-aħħar snin u ħafna minnhom ippubblikati f’Malta u barra. Is-suġġetti jvarjaw – mir-riforma tal-Kostituzzjoni, għal San Ġorġ Preca, għall-isfidi quddiem il-letteratura Maltija jew l-esperjenzi li għaddejt minnhom meta nqbadt bil-marda tal-kanċer, fost oħrajn. Kotba ta’ diskussjoni bħal “Perspettivi” kienu joħorġu fl-imgħoddi, bil-Professur Aquilina l-aqwa esponent tagħhom, imma naqsu sew fl-aħħar tletin/erbgħin sena. Li kien hawn daqstant interess fih hu ta’ inkoraġġiment.