FASTIDJU... FIS-SIRJA... IL-MALTI

    FASTIDJU

    Ħadt sehem f’seminar organizzat mill-Parlament Ewropew dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol. B’riżoluzzjoni tal-istess Parlament, id-deputati kienu qatgħuha li għandhom ilkoll jattendu das-seminar ħalli jiżguraw li jkunu jafu kif irażżnu l-fastidju anke fil-Parlament, fejn fl-aħħar snin l-iskandli ma naqsux. 

    Biss l-attendenza meta mort jien kienet ta’ 4!

    Ikolli nammetti li ħsibt li se niddejjaq. Minflok sibtu tassew interessanti; iddispjaċieni li kelli nitlaq ftit kmieni. Id-diskussjoni ppernjat l-aktar fuq il-fastidju psikoloġiku li jseħħ ta’ spiss f’uffiċċji, fabriki, skejjel... 

     ...Xi ħadd għal raġuni jew oħra ma jkunx jaħmel lil xi ħaddieħor. B’ġesti ċkejkna li jekk ma jintlaqgħux b’forza malajr jitqawwew, jara kif idejqu, jumiljah, iħawdu... 

      Mhux biss il-ħidma ta’ min ikun qed jiġi vitimizzat tisfa mħarbta. Talli jidħol fi kriżi ta’ fiduċja fih innifsu. Ħafna drabi din twasslu biex jitlaq mill-impjieg li jkun.

    Interessanti t-tweġiba tal-esperta li kienet tmexxi s-seduta għall-mistoqsija: X’jimmotiva din l-imġieba f’min jikkawża l-fastidju?

    Mottiv wieħed biss dejjem issib li hemm, qalet bla esitazzjoni: l-għira.

    FIS-SIRJA

    Dak li qed jiġri fis-Sirja se jdallam il-kondotta politika u diplomatika fir-relazzjonijiet internazzjonali għal ħafna snin. Se jqajjem mistoqsijiet profondi li dejjem kienu jinsabu fit-taħdit bejn il-ġnus. Il-prattika u l-ħidma diplomatika konsistenti fi ħdan ftehimiet li twettqu matul l-aħħar snin, kienu llimaw it-tweġibiet. 

    F’dal-kuntest, kemm tista’ tafda lill-alleati tiegħek? X’tista’ tagħmel biex tiżgura li l-appoġġ li qed jgħidu li lesti jagħtuk, se jibqgħu jagħtuh f’emerġenzi tal-futur? Jekk jiddeċiedu li se jwaqqfuhulek, se jagħtuk minn qabel twissija dwar hekk?

    Il-mod imħarbat kif jaġixxi l-President Trump reġa’ qanqal dawn il-mistoqsijiet u oħrajn. Bħal b’sikkina, fetaħ il-qalba ta’ kif sa llum, l-alleanzi moderni nbnew fuq sisien tat-tul.

     

    IL-MALTI

    Ma jidhirx li hemm vuċi waħda biex tgħidilna kif nistgħu nħarsu l-Malti.

    Inħarsuh minn xiex?

    Milli jimtela’ b’diskors u kitba żbaljati. Milli jiġġannat ma’ lingwi oħra, l-aktar l-Ingliż, u jispiċċa tgħassida. Milli jintesa għal kollox.

    Kontra dan, min se jiddefendih? L-intellettwali u l-aġenti kulturali? L-għalliema? Il-familji li għadhom jużaw il-Malti fid-diskors tagħhom ta’ kuljum? Il-ġurnalisti u l-mezzi ta’ kumnikazzjoni?

    Ħadd minnhom ma jidher li għandu viżjoni ċara dwar kif tista’ ssaħħaħ il-prattika tal-ilsien nazzjonali.

    Biex tagħqad imbagħad, l-użu tal-Malti qed jiġi affettwat bil-qawwi minn kif in-nies tesprimi ruħha bil-“Malti” fil-mezzi soċjali. Id-diskors imqaċċat u nieqes mir-rabtiet grammatikali minnu nnifsu qed joħloq verżjonijiet ġodda tal-lingwa. Ninsab żgur li daqt ikollna l-ewwel rumanz miktub bil-Malti tal-facebook.

    Qabel nitilqu biex niddefenduh, aħjar inkun ċari liema Malti rridu nħarsu.