Baġit favur il-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada

    Ir-reazzjonijiet għall-Baġit 2020 li l-kollega Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta fil-Kamra tad-Deputati nhar it-Tnejn li għadda kienu tista’ tgħid fil-maġġoranza assoluta tagħhom reazzjonijiet pożittivi. Reazzjonijiet li jirriflettu l-apprezzament tal-poplu għal dak li wettaq il-Gvern, għal dak li qiegħed iwettaq u li apparti li huwa baġit favur il-ġenerazzjoni tal-lum u t’għada se jservi wkoll ta’ bażi għal sostenibilità għas-snin li ġejjin.

    Jidher li huwa l-Partit Nazzjonalista biss li ma sab xejn tajjeb fil-Baġit tat-Tnejn li għadda u spikka fin-negattività solita tiegħu u sejjaħlu, fost affarijiet oħra, baġit tar-riċiklar. Jekk tal-Partit Nazzjonalista jaħsbu li b’reazzjoni bħal din se jkunu qegħdin jimbarazzaw lill-Gvern jew li se jnessu l-ġid li fisser għall-poplu dan il-baġit, allura qiegħed jgħarralhom.

    Tal-Partit Nazzjonalista għandhom ikunu jafu li bħala Gvern m’aħna se niddejqu xejn nirriċiklaw miżuri li għal pajjiżna ma fissru xejn għajr suċċess u ġid favur il-ġenerazzjoni tal-lum u l-ġenerazzjoni ta’ għada. Baġit li se jse jkompli jsaħħaħ u jwessa’ l-bażi li fuqha se tinbena s-sostenibilità tal-miżuri fejjieda li ttieħdu sena wara l-oħra.

    Żgur li bħala Gvern mhux se niddejqu nirriċiklaw miżuri li fissru biex illum flok ħaddiema jfittxu x-xogħol għandna x-xogħol jiġri wara l-ħaddiema, b’min iħaddem jilmenta li ma jistax isib ħaddiema. Mhux se niddejqu nirriċiklaw miżuri li wasslu biex minn ekonomija staġnata għandna ekonomija vibranti. Mhux se niddejqu nirriċiklaw miżuri biex lill-pensjonanti tagħna, għal sena wara l-oħra inżidulhom il-pensjonijiet, xiħaġa li damu aktar minn 20 sena jistennew biex jarawha timmaterjalizza. Mhux se niddejqu nirriċiklaw miżuri li wasslu biex fil-qasam tas-saħħa minn sitwazzjoni ta’ kuljum ta’ mediċini out of stock mhux talli nelimaw tali sitwazzjoni talli ndaħħlu aktar mediċini b’xejn fuq il-formularju tal-Gvern. Mhux se niddejqu nirriċiklaw miżuri li permezz tagħhom nżidu l-benefiċċji għall-persuni b’diżabilità li ma jistgħux jidħlu fis-suq tax-xogħol. Mhux se niddejqu nirriċiklaw miżuri li permezz tagħhom naqqasna drastikament id-dejn tal-pajjiż minn kif writnih biex lil uliedna nħallulhom pajjiż finanzjarjament b’saħħtu u mhux bil-premessa li “id-dejn tagħna jħallsuh wliedna u wlied uliedna” kif kien jiftaħar ħaddieħor.

    Kuntrarjament għal dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista l-Baġit 2020 jirrifletti s-suċċessi li wettaqna flimkien f’perjodu daqstant qasir ta’ żmien meqjus ukoll il-fatt ta’ x’kien il-punt tat-tluq. Minn pajjiż fl-iskaluni tista’ tgħid t’isfelnett f’kull qasam tal-ħajja għal pajjiż fost l-aqwa fl-Ewropa. Dan kollu grazzi għal politika ta’ viżjoni mħawra b’deċiżjonijiet kuraġġjużi li jkollhom jittieħdu minn żmien għal żmien imma li taw il-frott b’risq il-poplu kollu, dejjem bil-prinċipju sagrosant li l-ġid li noħolqu jitqassam bejn kulħadd, b’min li jeħtieġ l-aktar jieħu l-aktar.

    Deċiżjonijiet u miżuri biex ippreżentajna baġit li huwa l-ħames wieħed b’surplus; it-tielet wieħed konsekuttiv mingħajr ebda taxxa ġdida jew miżjuda; baġit b’171 miżura li 31 minnhom jolqtu familji, pensjonanti, persuni b’diżabilitajiet u mard u lill-familji tagħhom. 

    Baġit li huwa l-aktar wieħed b’saħħtu li qatt għamel il-Gvern; baġit li jippremja lill-familji bieżla; baġit li jgħin lill-familji vulnerabbli; baġit sostenibbli għall-pajjiż u li bih il-pajjiż mhux talli se jżomm il-kompetittività tiegħu imma se jżidha.