Il-WHO tapprezza ħidmietna fil-qasam tas-saħħa

    Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija lbieraħ li nilqa’ f’pajjiżna lid-Direttur tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) għar-Reġjun Ewropew Hans Kluge ftit ġimgħat biss wara n-nomina tiegħu mill-Kumitat Reġjonali waqt laqgħa li saret f’Copenhagen, id-Danimarka. Sodisfazzjon rifless ukoll filfatt li Malta hija l-ewwel pajjiż Ewropew li żar Kluge wara n-nomina tiegħu u allura turija tal-fiduċja li l-WHO ħandha f’pajjiżna.

    Huwa fatt magħruf li fil-qasam tas-saħħa qegħdin nagħtu prijorità qawwija lis-settur tas-saħħa mentali kif tixhed l-istrateġija adottata wara proċess profond li matulu sibna u għadna qegħdin insibu l-gwida esperta u l-appoġġ tal-WHO. Filfatt fost l-ewwel affarijiet li rrefera għalihom id-Direttur Reġjonali  kien id-dokument li ħejjejna dwar dan is-suġġett, “Building Resilience: Transforming Services” u li Hans Kluge ddeskrivih bħala “outstanding work in mental policy that seeks to be ambitious, inclusive yet also pragmatic”. Tant li ħassu f’pożizzjoni li jassigurana mill-appoġġ tal-WHO tul dan il-proġett.

    Id-Direttur Reġjonali apprezza ferm u kellu kliem ta’ tifħir għall-inizjattiva min-naħa tagħna b’konformità mar-riżoluzzjoni tal-Assemblea tal-WHO f’Mejju li għadda lejn trasparenza fil-prezz tal-mediċini biex b’hekk jikber l-aċċess għalihom. Iddeskrieva l-inizjattiva tagħna f’livell Ewropew bħala eżempju importanti ta’ dak li għandu jsir biex jintlaħqu l-miri ta’ dak li jissejjaħ Universal Health Coverage (UHC) skont ir-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fl-aħħar ta’ Settembru li għadda. U la qiegħed nirreferi għall-UHC tajjeb li ngħid li Malta tinsab fost l-ogħla postijiet tal-UHC Index b’79 punt minn 80.

    Pajjiżna dejjem ta l-importanza kollha mistħoqqha lir-rakkomandazzjonijiet tal-WHO tant li kull fejn u kull meta kien possibbli dejjem aġixxejna b’mod kemm jista’ jkun mgħaġġel kif wara kollox tindika ħidmietna fejn jirrigwarda sistema ta’ saħħa b’risq popolazzjoni li qegħda ssir dejjem diversa, iż-żieda fil-faċilitajiet tas-saħħa biex inlaħħqu ma’ popolazzjoni li qegħda dejjem tikber, li nifirxu s-servizzi tas-saħħa mill-isptarijiet lejn iċ-ċentri tal-kura primarja u li nassiguraw aċċess għal mediċini ġodda li jiswew ħafna flus. Miżuri li d-Direttur Reġjonali tal-WHO innota b’sodisfazzjon u li għalihom kellu kliem ta’ tifħir.

    Hans Kluge nnota wkoll b’sodisfazzjon il-miżura tas-sistema robotika li se nkunu qegħdin nintroduċu fl-isptarijiet tagħna. Fi Frar li għadda f’laqgħa tal-WHO li saret f’Copenhagen, id-Danimarka, tajna l-appoġġ tagħna għall-ewwel attività tal-WHO Euro Digital Health u issa ħassu affaxxinat b’ħidmietna biex ikollna ż-żamma tar-records mediċi tal-pazjenti kompletament integrati b’mod elettroniku, National Electronic Health Record, tant li jħossu konvint li f’dan il-qasam pajjiżna se jservi ta’ mudell għal pajjiżi oħrajn.

    Iż-żjara ta’ Hans Kluge u l-apprezzament li wera għal ħidmietna fil-qasam tas-saħħa filwaqt li jagħtina sodisfazzjon, tkompli tixprunana u tħeġġiġna inkomplu naħdmu b’risq il-poplu tagħna filwaqt li nkunu qegħdin nikkontribwixxu wkoll internazzjonalment.