L-INFLAZZJONI F’MALTA

    Għax ninsabu riesqa lejn it-tħabbira tal-baġit tal-gvern għas-sena 2020, hi ħaġa naturali li l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja titqajjem, bil-kbir. Dejjem hekk jiġri.

    Biss li hemm kurjuż fiċ-ċirkostanzi tal-lum hu l-fatt li r-rata tal-inflazzjoni, imqabbla ma’ kif niftakarha fi żminijiet oħra, hi relattivament baxxa. Sa Awwissu ta’ dis-sena fuq bażi annwali, laħqet il-1.9 fil-mija. Mhix wisq wisq differenti mir-rata medjana fiż-żona tal-ewro. Kollox jirrifletti l-ħsus ta’ perijodu – li donnu bla tmiem – fejn l-għoli tal-ħajja se jibqa’ anqas milli qatt kien; ħaġa li tkompli ssostni dak li effettivament jammonta għal staġnar fl-ekonomiji tal-ewro.

    F’Malta, l-ekonomija baqgħet tirranka b’mod... ma rridx nerġa’ nuża l-espressjoni “bla preċedent”, imma hekk hu.

    Minkejja dak li se nisimgħu fil-ġimgħat li ġejjin, l-għoli tal-ħajja baqa’ relattivament baxx, hu wkoll b’mod li hu bla preċedent. Għaliex qed jiġri hekk?

    Ħaġa inkwetanti: l-ogħla rata ta’ tkabbir fil-prezzijiet sa Awwissu ġrat għall-ikel u xorb mhux alkoħoliku: kienet żieda ta’ 3.6 fil-mija. Laqtet l-aktar lis-saffi fis-soċjetà bi dħul baxx.

    FACEBOOK

    Dan l-aħħar ġiet tkellimni delegazzjoni tal-kumpanija Facebook. Milli qalu l-membri tagħha, deher ċar li wara l-faċċata pjuttost sempliċi li tintwera fuq l-iskrins tal-mobajlijiet, hemm organizzazzjoni kbira u sofistikata. Ma jistax ikun mod ieħor bil-biljuni ta’ messaġġi li jgħaddu kuljum mis-sistema tal-Facebook. Fhimt li għandhom uffiċċji fil-kapitali Ewropej kważi kollha.

    Imexxu organizzazzjoni mill-aktar avvanzata teknoloġikament. Spjegaw kif jagħmlu biex bl-apparati u l-programmi tagħhom jagħrfu u jaqbdu messaġġi li jkollhom kontenut mhux aċċettabbli jew ta’ natura kriminali. Għalkemm nemmen li qed jagħmlu l-aħjar tagħhom, anke huma jammettu li “mhux dejjem” jirnexxilhom.

    Riedu jfissruli kemm joqogħdu attenti biex jipproteġu l-privazija ta’ min jieħu sehem f’Facebook. Li qaluli hawn daħal minn widna u ħariġli mill-oħra. Assolutament ma nemminx li l-informazzjoni privata li l-Facebook ikollu ma tispiċċax tintuża b’mod jew b’ieħor, għal skopijiet kummerċjali jew anke politiċi, jekk mhux mill-animaturi ta’ Facebook, allura minn interessi oħra.

    L-IMMIGRAZZJONI FI FRANZA

    F’daqqa waħda, il-President Franċiż Macron bidel ir-rotta. Qed jinsisti biex il-gvern tiegħu ipoġġi l-immigrazzjoni fuq quddiem nett tal-ħidma politika. Sa ftit ilu, das-suġġett kien donnu qed jiġi injorat mill-macronistas. Il-President u n-nies tiegħu kienu jxandru ma’ kullimkien l-għajta tas-solidarjetà u tal-umaniżmu Ewropew. M’hemm xejn ħażin fihom dawn il-kwalitajiet, bil-maqlub.

    Issa, Macron qed jgħid: Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni ma tolqotx lis-saffi borgiżi tas-soċjetà. Dawn jgħixu fil-kwartieri tagħhom u ma jintlaqtux minnha. Imma s-saffi popolari mhumiex hekk. Ma nistgħux ninjorawhom aktar.

    Rari li l-problema tal-immigrazzjoni ġiet imfissra b’mod daqshekk skjett.