Aktar flus fil-but

    Il-Malti jgħid li mingħajr flus, la tgħannaq u lanqas tbus.  Huwa veru wkoll minn naħa l-oħra li l-flus m’humiex kollox, imma jkollna nammettu li bihom inkunu nistgħu ngħixu aħjar.  Bħala Malti ninsab kuntent li qed ngħix f’pajjiż, fejn il-bżulija u l-ottimiżmu huma bil-ferm akbar minn dawk ta’ pajjiżi ġirien tagħna.  Fatt illi qed ikompli jixpruna lil Gvern biex ikabbar l-ekonomija, iżid ix-xogħol ta’ kwalita’, filwaqt li nkomplu niġġieldu l-faqar bil-fatti.

    Statistika wara statistika qed turi li l-faqar qed ikompli jonqos u dan illum niżel għall-iktar livelli baxxi ta’ kull żmien; għalkemm fl-istess ħin l-isfidi ġodda qed ukoll jikbru fid-dimensjoni tagħhom.  Il-progress fil-ġlieda kontra l-faqar jitkejjel sew bl-istatistika, kif ukoll bil-qagħda soċjo-ekonomika tal-pajjiż.  L-aħħar rapport dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien (SILC), juri biċ-ċar li l-għadd ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas b’aktar minn 13,000 persuna mill-2013 sal-lum. L-anqas rata li qatt ġiet reġistrata, minn meta beda jsir dan l-istħarriġ fl-2005.

    Minkejja dan, aħna konxji iżda, li l-ġlieda kontra l-faqar, tibqa’ triq għat-telgħa, fejn għalkemm għandna soċjeta’ li mxiet ħafna ‘l quddiem ekonomikament, xorta waħda jifdal sfidi fost il-faxxex vulnerrabli. Huwa għalhekk illi fil-budget li ġej se nkomplu nsaħħu l-pensjonijiet, innaqqsu l-piżijiet minn fuq il-familji u nindirizzaw ċertu swieq, bħal dak tal-kera, li komplew jitfgħu aktar piżijiet fuq dawk li lanqas jifilħu.

    Personalment, ninsab kuntent , li mmexxi Ministeru li jolqot direttament il-qasam soċjali tal-pajjiż, b’soċjeta’ li iktar ma jgħaddi żmien, qed tkompli tirriaferma ruħha, tikber  u tiżboq kull aspettativa. Dan mhux qed ngħidu jien, iżda qed jikkonfermawh l-istatistiċi waħda wara l-oħra. Nieħdu eżempju iż-żieda ta’ 7.4% ta’ dawk il-persuni li siefru fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, fl-istess waqt li żdiedet in-nefqa b’aktar minn 11.4%. Dan huwa riflessjoni ċara ta’ kemm aktar Maltin qed jaffordjaw btala, filwaqt li jkunu komdi jonfqu iktar.

    Huma bosta l-indikaturi li jkompli juru li l-Gvern qed jiġġieled il-faqar b’serjeta. M’aħniex kuntenti biss meta ngħidu li ħriġna lin-nies mill-faqar; fatt innegabbli; iżda rridu wkoll li nħeġġu u nimbuttaw ‘l quddiem il-mobilita’ soċjali, xi ħaġa li qed jirnexxilna nagħmlu, tant li 75% tal-familji Maltin u Għawdxin illum iqisu lilhom nfushom bħala ‘middleclass’. 

    Iktar inkoraġġanti huwa l-fatt li żdiedu b’16% dawk li wieġbu li huma qed iħossuhom ‘middle class’.  Din hi xhieda ċara ta’ kemm il-politika tagħna qed tasal għand in-nies bil-provi u fil-ħin.

    Din hi l-viżjoni li se tibqa’ magħna fix-xhur u s-snin li ġejjin.  Irridu nkomplu nsaħħu l-qagħda soċjo ekonomika tal-pajjiż, fejn ħadd ma jaqa’ lura, u fejn kulħadd igawdi mit-tkabbir ekonomiku.

    Il-prosperita’ u l-impenn soċjali ta’dan il-Gvern se tkompli toħroġ fil-budget t’Ottubru li ġej. Dan m’huwiex baġit ta’ qabel xi elezzjoni iżda huwa baġit ta’ kontinwazzjoni bi pjan li se jwassal biex Malta verament tkun l-aqwa fl-Ewropa.