SAĦĦA

    Iltqajt ma’ grupp, imsejjaħ il-Malta Health Network, li jikkordina l-ħidmiet ta’ organizzazzjonijiet volontarji attivi fil-qasam tas-saħħa. Huma jmexxu l-inizjattivi tagħhom f’rabta ma għaqdiet simili fl-Ewropa. Għalkemm is-saħħa mhijiex parti mill-kompetenzi organiċi tal-Unjoni Ewropea, il-prattika li l-pajjiżi jipprovaw imexxu flimkien ħidma simili saret komuni.

    Laqtuni bħala realistiċi u utli, l-miri li l-membri tal-grupp qed ipoġġu għall-ħidma tagħhom fis-snin li ġejjin. Mhux l-anqas dik li priorità għalihom se tkun li jasserixxu d-dritt tal-pazjenti biex ikunu involuti fit-trattament li qed jingħataw. Naqbel ma’ dil-mira mija fil-mija, imma nista’ nipprevedi l-problemi li għandha mnejn taqla’. 

    Meta niġu għall-kura li individwu jingħata – anke meta tkun l-aqwa li tista’ ssiblu – bħala ċittadin privat, id-dritt tiegħu li jkun jaf sew x’qed jiġrilu mhux dejjem jiġi rispettat. Ta’ spiss, il-pazjent jibqa’ jitqies minn ħafna bħala persuna li għadha fit-tfulija. M’hemmx għalfejn jikkonsultawh dwar il-kura li se jgħaddi minnha u għaliex. L-aqwa li qed ifejquh. 

     

    ***

     

    TONN

    L-operaturi tal-irziezet tat-tonn f’pajjiżna għandhom problema. Il-kwoti li kellhom jingħataw mill-Unjoni Ewropea dwar qbid tat-tonn li jistgħu jsemmnu fix-xbieki tagħhom qabel ibigħuhom, baqgħu mblukkati mill-Kummissjoni Ewropea. 

    L-istess impriżi xejn ma għandhom reputazzjoni sabiħa mal-poplu Malti. Kisbu l-fama li lesti jħammġu kull fejn jinsabu u ġabu fuqhom ir-rabja ta’ min irid jgħum. 

    Min-naħa l-oħra, lanqas mhu sew li f’xogħolhom ma jingħatawx trattament ugwali għal dak tal-Ispanjoli jew it-Taljani. Fl-aħħar mill-aħħar, huma kienu fost il-pijunieri fil-Mediterran għall-ħolqien u t-tmexxija tal-irziezet tat-tonn. U għandhom sehem siewi fl-esportazzjoni Maltija. 

    Spanjoli u Taljani kienu protagonisti fil-ksur tar-regoli Ewropej dwar kif għandu jsir dan is-sajd. Waqt li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħfas bil-kbir fuq il-Maltin, akkost li ġġibhom qrib il-falliment, lill-oħrajn qed tħallihom ixxamplati.

     

    ***

     

    RLS

    Kien żball li Robert Louis Stevenson tħalla jintesa. Hu kittieb mill-ifjen anke jekk ismu baqa’ marbut ma’ “Treasure Island” u sar mitqies l-aktar bħala kittieb tal-avventuri tat-tfal. Il-kitba tiegħu tmur lil hinn minn hekk fis-sempliċità u l-mod dirett li bih taffaċċja lill-qarrej.

    “Island Nights’ Entertainments” jippreżenta tliet stejjer qosra-twal ta’ RLS imkewsa fiż-żmien li qatta fil-gżejjer tal-Paċifiku (fejn miet). Jirrakkonta dwar il-ħajja hemmhekk bl-istess ritmu mexxej li kien ta’ RLS fil-kotba ta’ avventuri għat-“tfal”. Il-protagonisti huma kemm negozjanti żgħar mibgħuta fil-gżejjer Samoa biex jikkummerċjaw mal-indiġeni u kemm personaġġi mit-tribujiet Kanaka. 

    RLS għandu l-ħila li meta qed jitkellem dwar Ewropej fil-Paċifiku jew dwar persuni imwielda hemm, jiżviluppa stampa awtentika ta’ ħajjithom bħala individwi. In-nisġa ta’ kull storja tinbena bla tidwir mal-lewża, b’forza.