KONTROLLI U LINJI TA’ GWIDA

    Il-gvern jeħtieġlu jkun aktar effettiv fil-mod kif iħaddem il-kontrolli fuq l-abbużi u biex jistabbilixxi linji ta’ gwida f’setturi ekonomiċi u soċjali li huma kruċjali fil-ħajja tal-poplu. Irid ikun aktar effettiv ukoll f’kif jikkomunika l-għanijiet tiegħu.

    Veru li sa issa, politikament ma ġarrabx danni quddiem ċerti nuqqasijiet li qed jispikkaw. Ix-xejriet ta’ ekonomija li baqgħet tavvanza, kif ukoll id-dgħufija u l-firda fratriċida  fi ħdan l-Oppożizzjoni jispjegaw dil-ħaġa. 

    Madankollu, jidher li bil-bidliet imgħaġġla li qed iseħħu f’pajjiżna, m’aħniex inlaħħqu mal-isfidi ta’ governanza li huma ġabu magħhom. U m’inix nirreferi għall-kwistjonijiet pwerili dwar l-hekk imsejħa saltna tad-dritt, li ta’ spiss nintilfu fuqhom, mhux l-anqas bi xprunar mijopiku minn sorsi Ewropej.

    Aqwa minn hekk huma l-isfidi ta’ kif se nikkontrollaw u nirregolaw dak li qed jiġri fl-oqsma ambjentali, tal-bini, tat-traffiku, tal-faqar, tat-turiżmu, tas-servizzi finanzjarji, tal-immigrazzjoni, tad-droga, tal-bżonnijiet edukattivi... 

    STRAMBA

    Tanker għaddej mill-golf ta’ Ħormuż iperper bandiera Ingliża, spiċċa sekwestrat minn forżi Iranjani. Veru jew le, dan l-att ġie spjegat bħala tpattija għal kif il-gvern tal-Gran Brittanja kien qabad tanker Iranjan  għaddej qrib Ġibilta għax intqal, qed jikser is-sanzjonijiet kontra s-Sirja.

    Li rajt stramb kien kif kważi minnufih wara, ir-Renju Unit ippropona li tintbagħat forza navali “Ewropea” biex tħares vapuri li jkunu għaddejja mill-Ħormuż. Stramb għax ir-Renju Unit sa issa kien dejjem kontra l-ħolqien ta’ xi driegħ ta’ difiża armata Ewropea, separata min-NATO. Kif issa, kien qed iressaq dil-proposta?

    Jidher li l-proposta qiegħda tiġi diskussa ma’ Franza u l-Ġermanja. Min-NATO, qalu li huma ma kinux involuti fid-diskussjonijiet. Sadattant, baqgħet għaddejja t-telenovela tal-Brexit (!).

    TOKYO EXPRESS

    Ir-rumanz polizjesk “Tokyo Express” ta’ Seicho Matsumoto, wieħed mill-klassiċi Ġappuniżi f’dan il-ġeneru ta’ kitba, juri kif jinkixef qtil immuntat bħala suwiċidju ta’ koppja. Il-mejta jinstabu fuq il-kosta tal-gżira l-aktar fin-nofsinhar tal-arċipelago Ġappuniż. Donnhom telqu flimkien minn Tokyo fiċ-ċentru tal-arċipelago biex b’patt volontarju jixorbu flimkien sugu tal-larinġ imħawwar bl-arseniku.

    Min jimmonta din il-ġrajja jipprovdi alibi għalih u opportunitajiet biex oħrajn jifhmu x’ġara skont dak li jridhom jifhmu, billi juża l-iskedi komplikati tal-ferroviji Ġappuniżi. Hu jidher hemm u hawn, u juri lill-vittmi tiegħu hawn u hemm. Kollox ippernjat dwar il-ħtieġa li jitneħħa impjegat ewlieni f’ministeru tal-gvern fejn qed jinkixfu borom ta’ korruzjoni.

    Didektiv anzjan fil-lok fejn seħħ il-qtil doppju, u ieħor imġarrab ibbażat f’Tokyo jħollu t-taħwida maħluqa mix-xibka ta’ kif u meta jitilqu jew jaslu t-trennijiet. Hu rumanz miktub b’mod mexxej u interessanti.