XI BREXIT?

    Ma jistax jibqa’ aktar dubju li l-kwistjoni tal-Brexit issa tinsab maqbuda f’xifer mill-aktar perikoluż. Min-naħa tagħhom, l-Ewropej twaħħlu mal-pożizzjoni li mhuma lesti jibdlu xejn minn dak li ġie miftiehem mal-gvern ta’ May. Matul il-ġimgħat, xi tentazzjonijiet li qamu mill-Ġermanja, l-Polonja, l-Irlanda u forsi l-Isvezja u r-republika Ċeka biex ikunu aktar “flessibbli”, malajr ġew fgati.

    Min-naħa tal-gvern ta’ Johnson, il-pożizzjoni diplomatika qed tiġi ssettjata f’disinn “kamikaze” li bilfors iwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea bla ftehim; jew jekk dan jitwaqqaf minn forzi politiċi interni Brittaniċi, għal kaos istituzzjonali. 

    Anki jekk b’xi soluzzjoni mirakoluża iż-żewġ naħat jirnexxilhom joħorġu mill-impass bi qbil, se tibqa’ tagħbija tqila ta’ qrusa bejniethom, u fl-intern tar-Renju Unit bejn il-Brittaniċi nfushom. F’sekli oħra, kriżi bħal din kienet twassal għal atti ta’ gwerra. Illum talanqas, theddida bħal din mhijiex plawsibbli, sakemm qed nitkellmu dwar gwerra fiżika bejn armati. Mhux l-istess madankollu jista’ jintqal dwar gwerra kummerċjali u/jew finanzjarja.

    HELENA

    Kienet aħbar tajba ħafna li Helena Dalli ġiet nominata mill-gvern bħala l-membru Malti fil-Kummissjoni Ewropea għall-mandat li jiftaħ f’Novembru li ġej. Kemm ili nara mill-qrib kif Helena tiżvolġi l-ħidma politika tagħha, bqajt impressjonat bl-intelliġenza u r-rieda li turi ħalli taffaċċja sitwazzjoni diffikultuża u timbotta għal soluzzjonijiet xierqa.

    Isimha ġie assoċjat l-aktar ma’ riformi fl-oqsma tal-ugwaljanza soċjali imma matul is-snin kienet influwenti bil-pariri u l-aġir tagħha f’direzzjonijiet oħra wkoll. Bħal fir-relazzjonijiet trejdunjinistiċi, fil-politika Mediterranea u f’oqsma ta’ politika Ewropea. Sadattant, wieħed jammira l-mod kif saħħet b’suċċess il-kompetenzi akkademiċi tagħha – turija tas-serjetà li biha qieset il-politika waqt li dejjem baqgħet leali lejn il-valuri tas-soċjaliżmu demokratiku.

    Nawgurawlha t-tkomplija ta’ ħidma mill-aqwa fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida.

    BILINGWIŻMU

    Drajna nqisu lil pajjiżna bħala wieħed fejn isaltan il-bilingwiżmu: imma kemm hi minnha dil-ħaġa?

    Fil-Belġju fejn jintqal li hemm sitwazzjoni simili (anzi fin-nofs jidħlu żewġ lingwaġġi oħra, imma nibqgħu fuq it-tnejn ewlenin), il-bilingwiżmu jinqala’ għax hemm żewġ “tribujiet” fl-istess pajjiż, bl-ilsien “matern” tagħhom differenti.

    Fil-każ tagħna, bħala popolazzjoni primarjament ta’ oriġini Maltija, l-Ingliż hu ilsien addottat minn barra, li veru, għal ħafna uħud, iservi bħala ilsien ewlieni, anke uniku,  ta’ kumnikazzjoni soċjali. Il-kompetizzjoni lingwistika fil-pajjiż mhijiex politika, bħal fil-Belġju, imma kulturali, ekonomika u soċjali. Dan ifisser li meta jiġu biex jittieħdu deċiżjonijiet fejn il-fattur lingwa hu importanti ħafna – bħal fis-settur edukattiv – irridu noqogħdu b’seba għajnejn li ma naddottawx mingħajr sens kritiku mudelli Ewropej ibbażati fuq realtajiet ta’ bilingwiżmu differenti minn tagħna.