Regolamenti u bini

    Pass tajjeb għalkemm tard kien dak li l-gvern ħareġ regolamenti li jipprovaw jipproteġu liċ-ċittadini minn abbużi li qed jitwettqu b’mod lampanti qrib fejn joqgħodu meta binjiet “qodma” jitwaqqgħu ħalli jittellgħu strutturi ogħla jew usa’ minflokhom. Nittamaw biss li r-regolamenti jitwettqu strettament u bil-galbu, mhux jitħallew fuq il-karta.

    Baqa’ ħafna passi oħra li għad iridu jittieħdu biex jikkontrollaw il-konfużjoni papali li naraw kull fejn immorru dwar bini ġdid u qadim. Fuq kollox, dwar l-aċċidenti, anki fatali, li jseħħu fuq binjiet għaddejja. Imbilli jkunu ħaddiema barranin li qed jispiċċaw il-vittmi, żgur li l-aworitajiet ma għandhomx jibqgħu jħarsu n-naħa l-oħra.

    Imma wkoll: dan kif kuntrattur jew min ikun, jitlaq biex jibni, u jdum ix-xhur biex ma ngħidx is-snin għaddej, kollox bis-sulluzzu, waqt li joħloq biżibilju ta’ inkonvenjenti għar-residenti? Jew kif xogħlijiet ta’ tħaffir fit-toroq jibdew, jintelqu, u jerġgħu jibdew bla ebda programm, skont kif jaqbillu min qed imexxi x-xogħol? Dawn l-abbużi u oħrajn qed jiġru kullimkien, minn B’Kara, sa tas-Sliema, Ħal-Qormi, B’Bugia u Għawdex. Iż-żejjed kollu żejjed.

    ***

    QISU AĦNA BISS!

    Il-Kummissarju dwar l-etika parlamentari ħareġ kontra li deputati jkunu wkoll impjegati tal-gvern bħala persuni ta’ fiduċja jew mod ieħor. Għandu punt.

    Biss seta’ poġġa l-argumenti tiegħu f’kuntest aktar wiesgħa – xinhu jiġri fil-bqija tal-Ewropa? Għax altru tgħid li bl-impjieg tad-deputati tan-naħa tal-gvern f’karigi statali, il-vot tagħhom fil-Parlament qed jintrabat. Imma altru tara jekk hux hekk jiġri.

    L-istess ilment li qajjem il-Kummissarju Malti, tqajjem kontra l-gvern ta’ Theresa May fir-Renju Unit. Din tat “impjieg” lil għexieren ta’ deputati konservattivi. Ġiet ikkritikata bl-istess argumenti li qajjem il-Kummissarju.

    Issa, jekk kien hemm gvern li ma sabx l-appoġġ totali tad-deputati “tiegħu” fl-aħħar sena, kien appuntu dak ta’ May!

     ***

    TSIPRAS

    Il-Prim Ministru tax-xellug “estrem” fil-Greċja, Aleksis Tsipras, tilef l-elezzjoni, kif kien mistenni. Anke minnu. Fil-fatt sejjaħha kmieni wara li l-partit tiegħu falla fl-elezzjonijiet Ewropej u dawk muniċipali. Donnu biex jaqta ż-żarda darba għal dejjem.

    L-aħħar snin għal min imexxi l-Greċja kienu romblu li jgħaffeġ lil kulħadd taħtu. Hekk ġralu Tsipras: telaq biex jikkontesta r-regoli taż-żona tal-ewro, rebaħ żewġ elezzjonijiet u referendum b’dil-wegħda, u kellu jwettaq ir-regoli bla ħniena. Irnexxielu jżomm l-ekonomija Griega tgħum fil-wiċċ u fiż-żona tal-ewro, imma aċċetta l-istess piżijiet li kien ikkundanna lil ta’ qablu dwarhom. Mhux ta’ b’xejn li min emmen fih, tnaffar.

    Talanqas, irnexxielu wkoll fl-interess nazzjonali, “jsolvi” l-problema mal-Maċedonja. Wieħed jittama li dil-kisba ma titħassarx mill-gvern il-ġdid.

    Jiddispjaċini għal Tsipras.