Kura ta’ saħħet l-omm waqt u wara t-tqala

    Kien ta’ sodisfazzjon għalija l-ġimgħa li għaddiet li fuq stedina tal-President Emeritus MarieLouise Coleiro Preca indirizzajt attività – Roundtable discussion on maternal health – organizzata minn The Malta Trust Foundation u Humanity 2.0 Lab. Attività dwar is-saħħa tal-omm u li għaliha kien hemm ukoll parteċipazzjoni barranija u li matulha qasmu esperjenzi u anke trattaw is-servizzi li jingħataw f’dan il-qasam.

    Fir-rigward ta’ pajjiżna fejn jirrigwarda s-saħħa tal-omm partikolarment fl-istadju ta’ tqala u tat-twelid tat-trabi b’mod mill-aktar kunfidenti ngħid li għandna servizz li nistgħu niftaħru bih. Servizz fost l-aqwa li jingħata fil-pajjiżi tal-Ewropa.

    F’Malta u Għawdex kważi kull twelid, madwar 4,300, isir fl-isptar tal-istat, apparti li tul ix-xhur tat-tqala l-ommijiet ikunu rrikorrew għas-servizzi ta’ qabel it-twelid li jingħataw ukoll mill-isptar. Għandna servizz mill-aqwa wkoll fejn jirrigwarda l-perjodu wara li l-omm twelled it-tarbija tagħha, servizz mhux biss għall-omm innifisha imma wkoll għat-tarbija.

    Huwa kalkulat li kull sena madwar 500 omm jattendu l-Perinatal Mental Health Clinic fejn jingħataw għaxar sessjonijiet lil kull omm. 

    Huwa fatt magħruf li s-servizzi tas-saħħa tagħna fil-qasam tal-ginokoloġija huma vasti u mifruxin kemm jista’ jkun. Ma jieqfux mat-twelid tat-tarbija. Ma jkunx ftaħir barra minn loku imma jkun stat ta’ fatt meta ngħidu li l-kura tat-tfal Maltin u Għawdxin hija waħda mill-aqwa. Statistika uffiċjali tal-Eurostat turi li 99% tat-tfal Maltin u Għawdxin ta’ taħt il-ħames snin jesperjenzaw stat ta’ saħħa eċċellenti. Huma biss 0.7% tat-tfal tagħna li jsofru minn problemi ta’ saħħa u li sfortunatament mhux dejjem ikunu kurabbli anke jekk nagħmlu dak kollu possibbli.

    L-ommijiet tagħna jibqgħu jkunu segwiti b’kull mod b’servizzi ta’ informazzjoni li jvarjaw minn insistenza dwar l-importanza tal-ħalib tal-omm għall-mod kif it-tfal għandhom ikunu introdotti għal ikel ieħor bilanċjat biex b’hekk ikollhom dieta b’saħħitha. Sfortunatament nafu bil-problema tal-obesità f’pajjiżna sa minn etajiet żgħar u sfortuna akbar hija li fil-maġġoranza kbira tal-każijiet inkunu aħna stess li nikkontribwixxu għaliha. Problemi li kull omm tista’ tikkumbatti, u tingħata kull faċilità biex din il-problema nikkumbattuha mill-bidu. Tagħrif dwar dan hemm bl-abbundanza fi ħdan id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa.

    Nappella mill-qalb lill-ommijiet biex jirrikorru għal dawn is-servizzi.

    Mill-Isptar Mater Dei noffru 25 speċjalità differenti ta’ pedjatrija. Nagħti ftit eżempji. Matul is-sena li għaddiet saru kważi 13,500 viżta fl-Outpatiens tal-pedjatrija; aktar minn 200 attendew l-klinika pedjatrika tad-diabete; 120 ħadu servizz mill-klinika pedjatrika tal-kardjoloġija filwaqt li aktar minn 700 ingħataw mediċina respiratorja. Ftit inqas minn 7,800 tifel u tifla ingħataw kura fis-swali pedjatriċi f’Mater Dei u SAMOC filwaqt li f’dawn l-aħħar erba’ snin aktar minn 60,000 tifel u tifla ddaħħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza Pedjatrika.

    Dawn huma servizzi li l-Gvern jipprovdihom mingħajr ħlas u b’determinazzjoni li nkomplu inżommu s-servizz tas-saħħa tagħna fl-ogħla livell.