Twettiq fil-konkret tal-pjan għal Monte Carmeli

    Kien ta’ sodisfazzjon u ta’ pjaċir kbir għalija lbieraħ, it-Tlieta, 18 ta’ Ġunju, li ninawgura l-ewwel sala li ġiet rinovata fl-Isptar Monte Carmeli, Sala San Ġorġ Preca, biex mil-lum tilqa’ fiha 30 pazjenta. Kien ta’ sodisfazzjon għax l-inawgurazzjoni ta’ din is-sala huwa l-bidu tat-twettiq fil-konkret tal-pjan li varajna f’Ottubru li għadda, pjan li jaħseb biex fuq perjodu ta’ ħames snin ikunu rinovati s-swali kollha tal-isptar.

    Sfortunatament l-Isptar Monte Carmeli tħalla għal diċenji sħaħ ta’ snin mitluq. Nieqes minn manutenzjoni kontinwa u meħtieġa u nieqes ukoll minn inizjattivi. Huwa veru li tweġġa’ meta tisma’ llum min jippontifika u jrid jagħti lezzjonijiet dwar dan l-isptar meta fir-realtà jmissu jippunta subgħajh lejh innifsu, imma l-passat huwa passat. Dmirna huwa l-preżent u l-futur. U huwa dan li qegħdin nagħmlu. Huwa dan li rajna jibda jitwettaq fil-konkret ilbieraħ. Tħossok sodisfatt tidħol fil-kmamar ta’ din is-sala u tara l-mod kif inhuma armati, il-kumditajiet disponibbli għall-pazjenti li se jkunu qegħdin jokkupawhom. It-tletin pazjenta li mil-lum se jkunu f’din is-sala huma fil-maġġoranza tagħhom anzjani u għandhom kundizzjoni kemm ta’ saħħa mentali kif ukoll ta’ mard fiżiku, u għalhekk is-sala hija mgħammra b’faċilitajiet li jkopru dawn il-kundizzjonijiet.

    Tħossok sodisfatt meta tkun taf li xahrejn oħra nkunu qegħdin ninawguraw sala oħra li tkun ġiet rinovata u dan ikun segwit minn inawgurazzjoni oħra xahrejn wara. Fl-Isptar Monte Carmeli hemm madwar 400 pazjent, li fil-verità mhux kollha posthom hemm. Skont id-direzzjoni mogħtija fl-Istrateġija għas-Saħħa Mentali għas-snin 2020-2030 pazjenti li jistgħu jitpoġġew fil-komunità għandhom jinħarġu mill-Isptar Monte Carmeli. Abbażi ta’ dan diġà nħarġu 106 resident li tpoġġew f’akkomodazzjoni fil-komunità u b’hekk is-swali li jitbattlu jsir ix-xogħol fuqhom biex jiġu modernizzati u jkunu aktar siguri. Sadanittant għaddej il-proċess biex jinħarġu 24 pazjent ieħor. Se nkunu qegħdin nintensifikaw ħidmietna għal aktar kura għas-saħħa mentali fil-komunità filwaqt li għaddej ukoll kif pjanat ix-xogħol li se jwassal biex jinbena sptar ġdid għall-kura akuta tas-saħħa mentali ħdejn l-Isptar Mater Dei.

    Tħossok sodisfatt tisma’ liċ-Chairman tas-Servizzi għall-Kura Mentali f’pajjiżna Dr Anton Grech jiddeskrievi l-iżvilupp li qed isir f’dan il-qasam bħala waħda minn sitwazzjoni ta’ Cindirella għal dik ta’ Prinċipessa. Żvilupp li għalkemm huwa xprunat minn inizjattiva governattiva ma jkunx jista’ jitwettaq jekk ma jkunx hemm il-koperazzjoni, ir-rieda u d-determinazzjoni ta’ kull min imiss miegħu, f’lull livell tiegħu, xiħaġa li qegħdin narawha u minn qalbi nerġa’ nieħu l-opportunità biex nirringrazzjahom għal dan kollu.