Ċelebrazzjonijiet u responsabbiltajiet

    Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet bħala Partit Laburista erġajna ċċelebrajna bil-kbir wara rebħa elettorali oħra kbira, din id-darba fir-rigward ta’ Kunsilli Lokali. Il-ġimgħa ta’ qabel konna ċċelebrajna rebħa elettorali oħra kbira....dik tal-Parlament Ewropew. L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra għaddejt ħin sostanzjalment twil fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar kemm biex insegwi l-andament kif ukoll biex ikun ta’ appoġġ għall-mijiet ta’ volontieri li għandna fi ħdan il-partit.

    U la semmejt il-volontieri ma nistax ma nieħux din l-opportunità biex minn qalbi nerġa’ nirringrazzjahom f’isem il-partit għas-servizz leali u kontinwu tagħhom. Ħidmiethom, aktar iva milli le, ma tidhirx imma li ma kienx għalihom ma jkunx possibbli li tmexxi kampanja elettorali bħal dik li għadna kemm ħriġna minna. Kampanja li żżomm nies bħal dawn maqtugħin minn mal-familji tagħhom għal ħinijiet twal, ġranet u ġimgħat. Naħseb li jkun xieraq li rebħiet kbar bħal dawk li għadna kemm iċċelebrajna jkunu dedikati lilhom ukoll.

    Sadattant irridu nirrealizzaw ukoll li akbar ma tkun ir-rebħa akbar ikunu r-responsabbiltajiet li l-istess rebħa tgħabbi fuq spallejna. Ir-rebħiet reġistrati fejn jirrigwarda Kunsilli Lokali rridu nittrasmettuhom fil-konkret fl-irħula u l-ibliet tagħna. Għandna manifest elettorali għal kull lokalità u fejn għandna l-maġġoranza rridu naraw li dan il-manifest jitwettaq. Fejn m’għandnix maġġoranza ma jfissirx li m’għandnix responsabbiltajiet ukoll. Anzi, għandna mhux ftit. Xorta waħda rridu nibqgħu qrib iċ-ċittadin tal-lokalità rispettiva. Xorta waħda għandna nimbuttaw kemm nistgħu biex dak propost fil-manifest tal-lokalità konċernata jkun implimentat ukoll.

    Sentejn ilu, bħall-bieraħ, it-Tlieta, 4 ta’ Ġunju, 2017, konna għaddejjin b’ċelebrazzjonijiet kbar ukoll. Konna għadna kemm rbaħna Elezzjoni Ġenerali bikrija b’vantaġġ ta’ madwar 40,000 vot. Elezzjoni Ġenerali li lkoll nafu f’liema klima kienet kontestata li madankollu kkonfermat il-fiduċja li l-maġġoranza assoluta tal-poplu għandha fi Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

    Illum, sentejn wara, nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li ninsabu fit-triq it-tajba fejn jirrigwarda implimentazzjoni ta’ dak kollu imwiegħed fil-Programm Elettorali tagħna. Programm li ovvjament huwa maħsub biex jitwettaq tul leġiżlatura sħiħa mifruxa fuq ħames snin.

    L-istess bħal fil-każ tal-Kunsilli Lokali r-rebħa elettorali kbira li erġajna wettaqna f’Ġunju ta’ sentejn ilu kompliet tgħabbina b’responsabbiltajiet kbar, li madankollu m’huma se jaqtgħulna qalbna qatt. Dak imwiegħed ma twiegħedx fl-ajru. Twiegħed għax kien kalkulat, studjat u għax nafu li huwa fattibbli.  Il-leġiżlatura 2013-2017 għalkemm iqsar minn kemm kellha tkun, kienet aktar minn prova li dak li nwegħdu inwettquh. Dak kollu li wettaqna, f’kull qasam, huwa rifless fil-progress reġistrat fil-pajjiż.

    Fit-titjib tal-livell tal-għixien tal-poplu Malti u Għawdxi. F’ħajja aktar komda għall-pensjonanti tagħna. Fil-futur sabiħ li qegħdin noffru liż-żgħażagħ tagħna f’pajjiżna stess. Madankollu dan ma jfissirx li wasalna. Fadal xi jsir, imma dak li wettaqna u dak li qegħdin inwettqu ġie apprezzat mill-poplu u kien għalhekk li reġa’ għabbiena bir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-pajjiż.

    Impenn li dħalna għalih b’determinazzjoni kif faċilment jixhdu s-sentejn li għaddew, u b’ħeġġa għall-kumplament tal-leġiżlatura biex fi tmiemha nerġgħu mmorru quddiem il-poplu b’wiċċna minn quddiem u b’rasna merfugħa. Kburin li dak li wegħedna wettaqnih.