Għax ġilda skura allura mhux uman bħali u bħalek?

    Fl-ewwel blog tiegħi nixtieq nibda billi nagħmel ftit ħsibijiet dwar il-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane allegatament minn żewġ membri tal-Forzi Armati. L-ewwel u qabel kollox irrid nikkundana kull qtil, għax nemmen li jekk kien hemm xi nuqqas ta’ ftehim dan kellu jitpoġġa għad-diskussjoni bejn il-partijiet involuti sabiex tinstab soluzzjoni.

    Iktar min hekk l-umanità ma tista’ qatt taċċetta u tapprova qtil anki jekk forsi kien hemm diżgwid aħseb u ara jekk kif allegat dan kien qtil bi qżież jew xi bluha. Dan kollu huwa frott ta’ żerriegħa li ħallejna tinbet fostna minn xi nies Ii żergħu l-mibegħda fostna billi qajmu l-argumenti fuq barranin f’pajjiżna iktar u iktar dawk il-barranin hekk imsejħa immigranti li huma ta’ ġilda skura.

    Dan kollu jwassalni għal ftit ħsibijiet u nibda biex nieħdu ftit eżempji.

    Timmaġinaw minflok inqatel raġel ta’ ġilda skura nqatel xi Malti x’kien ikun hawn fil-pajjiż?

    Timmaġinaw li kieku dak ir-raġel li nqatel kien jiġi minnek forsi xi raġel ta’ bintek jew missier it-tfal ta’ bintek?

    Timmaġinaw kieku dan il-persuna kien xi persuna ta’ ċertu portata li seta’ nqatel bi żball?

    Timmaġinaw kieku minn liema sitwazzjoni għaddejin bħalissa f’Malta u barra minn xtutna fuq  pajjiżna?

    U allura għax minn dawn il-mistoqsijiet m’hemm xejn li jolqot lilek allura qisu ma ġara xejn?

    Fejn hi l-kuxjenza u l-imħabba li trabbejna b’tant għożża (suppost) mill-ġenituri tagħna?

    Possibbli min parla ħafna kultant b’mod krudili fir-rigward ta’ dawn in-nies, possibbli jpoġġi rasu fuq l-imħadda u jistrieħ?

    Ħafna mistoqsijiet li meta tpoġġi bilqiegħda fuq siġġu waħdek u taħseb fuqhom tasal għal konklużjoni li tistaqsi lilek innifsek jekk għandekx qalb tajba billi titkellem b’mod dispreġjattiv fuq dawn in-nies għas-sempliċi raġuni Ii huma ta’ kulur differenti minn tiegħek jew minn tan-nazzjon li trabbejt fih.

    Issib minnhom li kultant tirrabja għalihom għax forsi jkunu ftit arroganti u naħseb li hawn ftit minnhom ukoll imma ma tistax tiġġeneralizza u titfa’ lil kulħadd f’keffa waħda għax ejja ngħidu kollox, żgur u mhux forsi li anki Maltin bħalek u bħali ssib min hu arroganti u kriminali wkoll u xi kultant anki agħar minn dawn in-nies.

    Dawk kollha li xerrdu kliem dispreġjattiv fuq dawn in-nies illum għandhom idejhom imċappsin bi demm ta’ dan il-proxxmu. Ma niddejjaqx nakkuża lil dawk in-nies li ġejjin mil-lemin estrem fejn dak li ma jaqbilx miegħu allura ħażin, u allura eliminah. Irridu ngħixu f’dinja waħda, dinja li l-Ħallieq ħalaqna għal kulħadd l-istess mingħajr distinzjoni ta’ kulur tal-ġilda … mingħajr vjolenza u mingħajr inkwiet.

    Ejjew ngħixu lkoll flimkien u minkejja li kultant ma naqblux imma nuru li nistgħu naħdmu flimkien biex ikollna pajjiż aħjar milli sibnih aħna u nħalluh isbaħ ghal dawk li ġejjin warajna.

    Ikun żball jekk inħallu lil xi ħadd jiżra’ bejnietna l-firda … infridna ħafna drabi bejnietna fuq politika, fuq sports u fuq elf ħaġa oħra, imma fuq din ikun jaqbel għalina u għal dawk li ġejjin warajna li nżommu l-għaqda. Din hija Malta li noħlom li ngħix fiha. Malta ta’ kulturi differenti, Malta ta’ ideoloġiji differenti, Malta l-isbaħ pajjiż kemm għalik, kemm ghalija u l-barranin kollha li jkunu f’pajjiżna

    Insellmilkom.