Kampanji

     

    Matul il-kampanji politiċi, speċjalment f’elezzjonijiet, isiru ħafna stqarrijiet ripetittivi li huma meħtieġa biex jimmartellaw suġġetti u argumenti li dwarhom iċ-ċittadin-votant irid jagħżel.

    Biss naħseb li l-akbar mertu tal-kampanji politiċi – talanqas għal min ikun kandidat – hu li joffru opportunità biex wieħed jistħarreġ ir-realtà ekonomika, soċjali u kulturali mill-qrib, wiċċ’imb wiċċ ma’ min qed iġarrabha.

    Wara kollox id-diskors politiku hu dwar din ir-realtà. Ta’ spiss wisq, nispiċċaw nittrattawha “mill-bogħod” – permezz ta’ rapporti u studji ta’ ħaddieħor, jew fi statistika miġbura minn uffiċjali u akkademiċi. Ħaġa bħal din tiġri aktar u aktar fil-każ ta’ deputati Ewropej li nofs ħinom iqattgħuh fi Brussell.

    Matul dil-kampanja Ewropea, l-aktar li apprezzajt kienet l-opportunità biex niltaqa’ b’mod dirett  ma’ attivisti soċjali, ħaddiema, imprendituri, trejdunjinisti, bdiewa u sajjieda, żgħażagħ u anzjani, kapijiet tal-familja, artisti u attivisti kulturali, lukandiera u industrijalisti, kaċċaturi u nassaba, Għawdxin u Maltin, fil-post fejn jgħixu u jaħdmu. U b’hekk tgħallimt ħafna dwar ir-rejaltajiet tal-lum.

    ***                    

    ABORT

    L-istorbju li l-PN ipprova jqanqal dwar l-abort kien maħsub biex joħloq firda fil-pajjiż fejn ma teżistix. Dwar l-abort, tajjeb jew ħażin, hawn kunsens enormi kontrih fil-pajjiż. L-ebda partit jew politiku ma ssuġġerixxa li dal-kunsens jiġi kontestat.

    Li mill-Unjoni Ewropea jistgħu jimponu l-abort fuq pajjiż membru li ma jridux hi ħrafa oħra. U qed ngħidha jien, li għall-“ben pensanti” fostna li jħarsu lejn l-Unjoni bl-istellel li jgħammxulhom għajnejhom, mitqies bħala li nara kollox ħażin fl-Unjoni. Il-verità hi li l-abort mhux fil-kompetenza tal-Ewropa waqt li meta Malta daħlet fl-Unjoni, it-trattat li ffirmat jagħmilha ċara li das-suġġett se jibqa’ għal dejjem kompetenza Maltija.

    Il-“kontroversja” finta dwar l-abort mhi xejn ħlief gimmick.

    *** 

    VIANI

    Minn tieqa fil-wara tad-dar fi Triq Viana Tas-Sliema, tista’ tħares ’l isfel sulari sħaħ fil-ħofra enormi li qabel kienet binjiet li jmissu mad-dar u l-madwarha. Issa kollox tneħħa u l-bulldozers għadhom jgħawru fl-art.

    Il-ħitan tad-dar minn ġewwa u t-torġien li jwasslu għall-kantina fost oħra mimlija xquq li dejjem jikbru u jitwessgħu. Perit li ġie jispezzjona d-dar rrakkomanda li min jinsab fiha jġib perizja oħra fi ftit taż-żmien ieħor biex jikkontrolla jekk ix-xquq humiex isiru perikolużi.

    Joqgħodu fid-dar żewġ pensjonanti li ftit jistgħu jaffordjaw kull darba l-ħlasijiet għal danni f’darhom li qed jikkawżalhom ħaddieħor.

    Żorthom ġimgħa ilu waqt li ħabbatt fuq il-bibien fi Triq Viani.

    Wisq nibża’ li jinsabu f’periklu. Diġà kellna każi bħal tagħhom.

    Il-verità hi li l-iżviluppaturi għandhom wisq saħħa, ir-residenti ftit li xejn. Dil-ħaġa jeħtieġ tissewwa.