Organizzazzjonijiet ċivili

    Qrajt dwar il-miżuri li jinsabu viġġenti meta numru ta’ nies jinġabru flimkien biex iwaqqfu jew isostnu bejniethom organizzazzjoni ċivili. Biex iwasslu messaġġ soċjali, kulturali jew ieħor; jew sempliċement biex iżommu kuntatt.

    Jekk fhimt tajjeb, iridu jirreġistraw mal-Kummissarju inkarigat mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u jsegwu ċerti regoli biex jindikaw id-dħul u l-ħruġ finanzjarju tagħhom.

    Bqajt ftit mistagħġeb li hemm għalfejn din is-sikkatura kollha.

    Jekk grupp ta’ żgħażagħ iridu jingħaqdu flimkien biex jippromwovu teatru ta’ ċertu tip, se jkollhom għalfejn joqgħodu jirreġistraw? L-istess jekk grupp ta’ anzjani se jingħaqdu biex jistinkaw ħalli jinbidlu l-liġijiet tal-pensjoni?

    Nifhem li dan għandu jsir jekk fin-nofs hemm ġbir ta’ fondi sostanzjali. Biss, jekk le, x’inhu l-punt?

    Jekk fhimt ħażin, lest nammetti bi pjaċir li ħadt falza stikka. Imma wieħed ma jistax jaħrab mill-impressjoni li qed jiżdiedu ħafna r-regoli biex jissorveljaw liż-żgħar, mentri qed jitħallew imċarrta l-ixbieki diġà eżistenti suppost, biex jikkontrollaw lill-kbar. 

    ***

    BOEING BOEING

    Għal xi ħadd bħali li jivvjaġġa ta’ spiss bl-ajru, l-kraxx doppju tal-ajruplan Boeing “il-ġdid”, l-ewwel fl-Indonesja u mbagħad fl-Etjopja, bilfors ikollu interess mhux ċkejken.

    Titjiriet bl-ajru saru fost l-aktar faċli u nieqsa minn kull saram li tista’ tagħżel bħala mod kif tivvjaġġa. Ħafna anqas perikolużi bħala medja minn vjaġġar bil-karozza, bil-vapur jew anke bit-trenn. Dan jinħass stramb meta tirrealizza li nkunu għaddejja xi ħames kilometri jew aktar ’il fuq mill-art. Statistikament madankollu, is-sitwazzjoni hekk hi.

    Minn hawn li jqum l-imperattiv biex tal-Boeing jiċċaraw iċ-ċirkostanzi li wasslu għaż-żewġ kraxxijiet u jkunu sinċiera ma’ kulħadd dwar għaliex inqalgħu. U dwar x’se jsir biex jiżguraw li ma tinqalax diżgrazzja oħra.

    Nittama li x’qed nikteb hawn ma jispiċċax fil-kategorija tal-“famous last words” – l-aħħar kliem li jirnexxilek tgħid qabel jilħqek xi għawġ.

    ***

    KAMPJUNI EWROPEJ...

    L-istati membri tal-Unjoni Ewropea jgħidu li jridu jippromwovu kompetizzjoni sħiħa u trasparenti fi ħdan is-suq wieħed Ewropew.

    Fuq il-kriterji li s-soltu jinżammu ħalli l-kompetizzjoni tkun imħarsa, il-Kummissarju Vestager responsabbli mill-kompetizzjoni, waqqfet kumpanija kbira Ġermaniża milli tingħaqad ma’ oħra fi Franza; it-tnejn jibnu l-infrastruttura tal-ferroviji. L-għaqda ta’ bejniethom kienet issir waħda wisq dominanti fis-suq Ewropew.

    Il-gvernijiet taż-żewġ l-akbar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea xejn ma qablu ma’ did-deċiżjoni u kkundannawha. Skont huma, l-Ewropa jeħtiġilha trawwem kumpaniji tagħha biex isiru kampjuni fis-suq mondjali. Biex dan jiġri, trid tippermettilhom jingħaqdu ħalli jikbru u b’hekk ikunu jistgħu jirbħu swieq akbar mad-dinja billi jegħlbu l-kompetizzjoni li ssirilhom minn kumpaniji transnazzjonali Amerikani, Ċiniżi u Ġappuniżi, fost oħrajn.