MINFLOK KWOTI... RAKKOMANDAZZJONIJIET... ANQAS TRABI

    MINFLOK KWOTI

    Il-proposta tal-gvern biex jara kif iżid ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti hi ta’ min ifaħħarha. Fl-aħħar għandna miżura konkreta ħalli tirriżolvi problema fondamentali fid-demokrazija Maltija. Kif se nagħmlu biex l-għadd ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ deċiżjoni jiżdied fil-politika Maltija?

    Jidher sew li minkejja ħafna stqarrijiet ta’ rieda tajba li saru matul is-snin, fuq hekk bqajna fejn konna, jekk ma morniex għall-agħar.

    Hi ħaġa ċara li l-aktar mod dirett kif jinstab rimedju hu permezz tal-kwoti. L-esperjenza fid-demokraziji “avvanzati” turi dil-ħaġa. Għal dawk li, imsieken, il-kelma “kwoti” tfakkarhom fit-tonn, stajna nsejħu l-metodu (kif isejħulu l-Amerikani) wieħed ta’ diskriminazzjoni pożittiva – li m’hemm xejn jinten jew anti-demokratiku fih.  Żbilanċ soċjali, jitfejjaq b’miżuri soċjali.

    Il-gvern evidentement iddejjaq inaffar lil dawk, nisa u irġiel, li jitnaffru mis-sistema tal-kwoti. Is-soluzzjoni tiegħu għandha l-inkonvenjenti tagħha, fosthom li se tagħmilna wieħed mill-pajjiżi bl-akbar numru deputati għal kull mil kwadru.

    Biss l-importanti hu li fl-aħħar, gvern ippropona rimedju konkret.

    RAKKOMANDAZZJONIJIET 

    Waħda mill-proposti żlugati fir-rapport żlugat approvat mill-Parlament Ewropew il-ġimgħa li għaddiet dwar is-saltna tad-dritt f’Malta u l-Islovakkja tgħid hekk: Malta għandha taddotta (malajr malajr) ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni ta’ Venezja li żaritna ftit tax-xhur ilu.

    Trid tkun tassew baħnan, malizzjuż, jew kompjaċenti fil-fehma li jkollok dwar kemm int qaddis fl-osservanza tar-regoli “demokratiċi”, biex toħroġ b’idea bħal din.

    Jien kont fost dawk li stqarrew kif ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja offra ħafna spunti għal bidliet serji fil-governanza ta’ Malta. Imma hi ħaġa ċara li dawn riedu jiġu diskussi u mgħarbla mis-soċjetà tagħna ħalli mbagħad tiddeċiedi fuqhom skont l-esperjenza tagħna, partikolari għalina.

    L-esiġenza tal-Parlament Ewropew li ndaħħlu senz’altru r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni turi ċar għaliex ir-riżoluzzjoni kollha ma tiswiex karlin.

    ANQAS TRABI

    L-ironiji qatt ma jonqsu fil-ħajja ta’ kwalunkwe nazzjon.

    Fis-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor, qamet kontroversja bejn il-Knisja Kattolika Maltija u deputat Laburista Ingliz meta dan qal li l-Maltin iwelldu trabi daqs li kieku kienu fniek.

    Illum skont l-aħħar statistika, ninsabu fost il-komunitajiet Ewropej bl-aktar rata baxxa ta’ natalità.

    Sadattant, il-popolazzjoni li tgħix f’Malta qed tiżdied bl-akbar rata tal-aħħar sekli. Kemm għax in-nies qed idumu jgħixu ħafna aktar, kemm għax intemmet għal kollox l-emigrazzjoni netta tal-Maltin lejn barra, u kemm għax in-numru ta’ barranin li jiġu jgħixu Malta kiber bħal qatt qabel.

    Diġà sibt min ġie jgħidli li daqt il-Maltin se jispiċċaw minoranza f’pajjiżhom. Għax tgħid, minn żmien għal żmien, smajt Ewropej oħrajn (mhux Maltin) jgħidu l-istess ħaġa dwar il-kompatrijotti tagħhom f’pajjiżhom.