L-imħatra immorali?

    Settur ekonomiku ewlieni f’Malta hu dak tal-imħatri bl-internet. Permezz tiegħu Malta saret qisha l-Atlantic City tal-Mediterran. Siewi kemm hu siewi dal-qasam fit-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż, ma jistax jonqos li jqajjem dubji u riżervi fost għadd ta’ nies – u ninkludi ruħi bħala wieħed minnhom.

    Li tinkoraġġixxi l-logħob tal-ażżard tista’ tkun attività li twassal għal drawwiet anti-soċjali fost il-popolazzjoni. Filfatt, fl-aħħar ħmistax-il sena, waqt li kiber is-settur “internazzjonali” tal-imħatri, żdiedet ukoll l-attività tal-logħob tal-ażżard fl-istess pajjiżna. Ħwienet tal-imħatri nfetħu tista’ tgħid f’kull belt u raħal, ħafna drabi biswit il-knejjes. Anke l-publiċità għal-logħob tal-futboll fuq it-TV sfat dominata mill-impriżi tal-imħatri.

    Żmien twil ilu, in-negozju tal-imħatri kien jitqies bħala wieħed kważi immorali. Żgur li dan m’għadux il-każ. Minn kemm bdew jinfetħu l-ħwienet tal-imħatri sal-lum, ma smajt bl-ebda moralist li fisser xi dwejjaq għal dan l-iżvilupp.

    ***

    MUŻA

    Il-mużew tal-arti li fetaħ ftit ilu, MUŻA, fih x’tara u x’iġġarrab. Għandu l-karattru tiegħu, bi stil eleganti, prudenti imma iffokat. Jilqgħek u jintrigak.

    L-għażla ta’ oġġetti tal-arti għall-wiri saret bi ħsieb u b’għaqal. Hi varjata u tipprovdi spunti li minnhom il-viżitaturi jistgħu jsibu elementi kif bihom japprezzaw l-arti maħluqa f’Malta jew miġjuba hawn biex tinfluwenza u tifforma l-ambjent kulturali tagħna.

    Jidher li l-pjan hu li matul is-sena, jinżammu programmi ta’ wiri li jinbidlu minn tema għal tema. Hi idea tajba. Tirrekjedi perseveranza fl-organizzazzjoni li mhux dejjem tinżamm f’pajjiżna. Imma hi ħaġa tajba li qed titpoġġa mira bħal din.

    Ħaġa waħda ħallietni dubjuż: it-taraġ ewlieni, magħmul minn ħġieġ. Ma jgħoddx għal min hu bħali u jitmeżmeż mill-għoli.

    ***

    KONTIJIET FIL-BANEK

    Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, kulħadd jgħidlek kemm qed noħolqu biżness. Il-gvern għaddej bla waqfien jippromwovi l-qasam il-ġdid tal-fintech u tal-blockchain. Jarahom bħala kolonni tal-futur. Imprendituri żgħażagħ u oħrajn imqabbda sew fit-teknoloġiji tal-kumnikazzjoni elettronika jagħtuh raġun.

    Biss, fl-istess waqt, qed nisma’ mingħand professjonisti tas-settur finanzjarju dwar id-diffikultajiet kbar u dejjem jiżdiedu biex jiftħu kontijiet bankarji għall-klijenti tagħhom. Il-banek jew addirittura jirrifjutaw li jagħmlu dan, jew joħolqu proċeduri komplikati maħsuba biex effettivament jirrifjutaw kontijiet.

    Jinġabu diversi raġunijiet dwar dan – minn biża’ li bil-kontijiet ġodda, il-banek jinfetħu beraħ għall-ħasil tal-flus, għal sentiment li n-negozju li se jġibu magħhom il-klijenti ġodda jiftaħ lill-banek beraħ għal riskji mhux aċċettabbli. Hu minnu wkoll li l-banek qed jaffaċċjaw sistema ta’ kontrolli dejjem tinfirex ġejja mill-Unjoni Ewropea, li jridu jikkonformaw magħha, inkella jaqilgħuha.

    Qed tikber tensjoni bejn il-bżonnijiet tas-settur finanzjarju u dak tal-banek li suppost qiegħed iwiżinhom.