Fi New Zealand

    L-aħbar tat-traġedja terroristika li seħħet Christchurch kienet waħda minn dawk li jaqtgħuk mill-qiegħ. Minħabba n-numru ta’ nies li mietu innoċentement. Minħabba li nqatlu f’kondizzjonijiet atroċi. Minħabba l-mod “ħaj” kif dan sar minn fuq il-midja soċjali. Minħabba l-fatt li ħafna mill-vittmi kienu qed diġà jaħarbu mill-persekuzzjoni f’pajjiżhom. Minħabba l-idea li kellna ta’ New Zealand bħala pajjiż paċifiku u kalm...

    Niftakar lil Christchurch qabel it-terremot li sfiguraha. Tasal fiha wara li tkun qsamt kampanja ħadra u ċatta, mimlija mergħat fejn ngħaġ smin donnu qed jgħix biex ikun għex ħajja tajba. Imbagħad il-belt li donnha tgħix bin-nifs ta’ Ewropa raħlija u kolta, sa minn żewġ sekli ilu. Nadifa u kwieta.

    Għalija għadha ħaġa diffiċli timmaġina kif massakru bla sens ta’ dik il-ħruxija seta’ jseħħ fi Christchurch. Biss, wara kollox, l-atti terroristiċi jistgħu jseħħu kull fejn taħseb li ma jistgħux jinqalgħu.

    ***

    GĦAD HEMM XI JSIR?

    Il-gvern Laburista wettaq il-viżjoni tiegħu għall-pajjiż jew għad hemm xi jsir?

    Naħseb li wettaq parti importanti ħafna minn dak li ħassel għal Malta fl-aħħar għaxar snin. Personalment kont nemmen li forsi fil-bidu kien qed ikun ambizzjuż wisq. Kont naf kemm gvern Laburista se jsib quddiemu bsaten fir-roti meta jiġi biex iwettaq li jkun wiegħed. Min-naħa l-oħra m’hemm xejn ħażin filli gvern jissettja ambizzjonijiet għolja għall-ħidma tiegħu.

    Naqbel li dil-ħaġa tat ir-riżultati, anke f’oqsma fejn għal raġuni jew oħra, l-gvern mhux qed jingħata biżżejjed krettu għal li diġà rnexxielu jwettaq.

    Li jeħtieġ isir issa hu li dwar dak li għad baqa’ x’jitwettaq, il-gvern Laburista jimmobilizza r-riżorsi kollha tiegħu biex iżomm ir-rankatura u jwettqu.

    *** 

    KNISJA KATTOLIKA

    Il-problemi li nqalgħu fil-Knisja Kattolika huma enormi. Ma nafx kif jistgħu jinħallu. Mhumiex problemi li skattaw illum jew ilbieraħ. Ilhom ibejtu u jinxterdu fl-istrutturi tal-kattoliċeżmu s-sekli u kulħadd baqa’ jdawwar ħarstu n-naħa l-oħra.

    Fi kriżi bħal din, periklu għall-istituzzjoni klerikali hu li titqies li kollox fiha hu ħażin u mmermer.

    Issa, jien m’inix xi sostenitur tal-Knisja Kattolika imma lanqas ma nifhem li kull ma għamlet jew qed tagħmel hu ħażin. Bil-maqlub, nara kif ħafna milli ssemmi u tipprattika hu siewi u xieraq, minkejja difett ieħor li għandha – dak li tinkoraġġixxi l-fehma li l-inizjattivi tagħha biss huma t-tajba.

    Allura l-mistoqsija kbira li l-Knisja trid tirriżolvi hi: kif se taqta’ minn ġo fiha l-ħażen li ħakimha mingħajr ma teqred dik il-parti minnha li għadha siewja u xierqa?